Id-dmir tal-Gvern huwa li jindirizza r-realtajiet li jaffaċċjaw in-nies u huwa għalhekk il-Gvern qed jintervjeni fl-inflazzjoni, li bħalissa qed tolqot lil bosta pajjiżi. Fl-aħħar xhur, il-Gvern ħa diversi miżuri li qed iwasslu biex pajjiżna jesperjenza l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Ewropa.
Qal dan il-Prim Ministru, Robert Abela, meta indirizza l-parti konklużiva tal-konferenza annwali dwar l-Istat tan-Nazzjon, li għat-tieni sena konsekuttiva ġiet organizzata fil-Palazz Verdala. Din il-konferenza tiġi organizzata fuq l-inizjattiva tal-istatitistiku u lettur Vincent Marmarà u tal-konsulent fil-komunikazzjoni strateġika Lou Bondi, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru għamel referenza speċifika għall-prezzijiet tal-enerġija u tal-gass, fost deċiżjonijiet oħrajn li ħa l-Gvern biex jipproteġi lin-nies. Huwa esprima l-fiduċja tiegħu li, bħalma pajjiżna għeleb l-effetti tal-pandemija, se joħroġ ukoll b’saħħtu mill-effetti tal-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa. Fid-dawl tal-gwerra, huwa fakkar li pajjiżna huwa newtrali, iżda quddiem aggressjoni kontra poplu, pajjiżna jieħu pożizzjoni favur poplu li qed jisfa vittma ta’ attakk inġust.
Il-Prim Ministru saħaq li hija l-prijorità tal-Gvern li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nazzjon. Semma, fost l-oħrajn, l-emendi fil-Liġi tal-IVF u r-riformi b’rabta mad-drittijiet ċivili, fosthom dawk favur il-persuni LGBTIQ+, u dawk b’rabta mal-użu responsabbli tal-kannabis. Għamilha ċara, iżda, li l-bidliet li saru f’bosta oqsma fil-pajjiż humiex biżżejjed.
Dwar ir-riformi biex jissaħħu l-Istat tad-Dritt u l-governanza tajba, fakkar f’kif Malta qed twettaq il-pjan maqbul mal-FATF, u f’kif il-Kummissjoni Venezja u l-Moneyval, fost oħrajn, ħarġu rapporti pożittivi ħafna dwar Malta. Kellhom kummenti tajbin ukoll id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew li żaru Malta.
Il-Prim Ministru qal li jinsab fiduċjuż li dan in-nazzjon għandu prospetti sbieħ: “Irridu nibnu prosperità ġdida fejn l-ambjent u l-iżvilupp ekonomiku jsaħħu lil xulxin u mhux idgħajfu lil xulxin. Ikollok min igħidlek li dan huwa diskors li ilu jintqal. Tajjeb: mela naqblu lkoll li issa rridu nwettquh, flimkien.”