Nathalia Galea, ta’ tlieta u għoxrin sena, ġie inkurunata bħala Miss World Malta f’konkors li sar ilbieraħ filgħaxija fil-Forti Sant Jiermu u li xxandar dirett fuq ONE.
Nathalia issa se tieħu sehem f’isem pajjiżna fil-wieħed u sebgħin edizzjoni ta’ Miss World. Galea hija l-ħamsa u għoxrin ambaxxatriċi ta’ pajjiżna f’dan il-konkors internazzjonali prestiġġjuż.
Galea qalet, “Hija xi ħaġa sabiħa li tkun se tirrappreżenta lil pajjiżek u, ovvjament, iġġib unur u taħdem bis-sħiħ biex, ovvjament, Malta jkollha post tajjeb ħafna fil-Miss World.”
Galea ilha għaxar xhur tipprepara għal dan il-konkors, bil-preparazzjoni tvarja minn dik fiżika sal-personalità tagħha.
Sqarret, “Kelli nies madwari li għenuni ħafna, ovvjament il-personal trainer, tad-dieta – il-preparamenti mhumiex dawk il-ftit minuti li jkun hemm fil-performance tiegħek fuq il-palk imma x-xogħol kollu li jinħadem wara l-kwinti, anki mill-organizzaturi.”
Bħalissa Galea intensifikat ix-xogħol tagħha bi preparazzjoni għall-konkors internazzjonali, b’ħidma li tiffoka wkoll fuq il-preżentazzjoni ta’ Malta.
Apparti fuq il-konkors tas-sbuħija nnifsu, Miss World jiffoka wkoll fuq il-filantropija. Fil-fatt, jagħti importanza kbira lis-sbuħija b’għan: ‘Beauty with a Purpose’.
Tenniet, “Però, l-iktar ħaġa li jiena qed inħares ’il quddiem għaliha, il-proġett tiegħi għal ‘Beauty with a Purpose’. Miss World huwa dak kollu li għandu x’jaqsam mal-‘Beauty with a Purpose’, li tagħmel il-proġett tiegħek, li tgħin, li tagħti lura, u dak huwa dak li jagħmel dawn il-konkorsi tant sbieħ. Li għandek opportunità li tagħti lura lil komunità, lid-dinja f’dan il-każ ukoll, u li tagħmel l-aħjar li tista’ biex tkun ta’ għajnuna għal min għandu bżonn l-għajnuna.”
B’rabta ma’ dan l-aspett tal-konkors, ir-rebbieħa ta’ Miss World Malta flimkien mal-kontestanti l-oħra ħadmu mat-tfal bl-awtiżmu, fosthom ma’ Villa Bianca u l-Malta Trust Foundation.
Barra minn hekk, f’temp ta’ ġimgħa l-kontestanti ġabru s-somma sabiħa ta’ tmint elef ewro (€8,000) li se jmorru għal aktar għajnuna b’risq tfal bl-awtiżmu filwaqt li jkomplu jqajmu aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni.