Fdalijiet storiċi ta’ Żmien il-Bronż mirdumin f’Borġ in-Nadur, Birżebbuġa, għaddew għand il-Heritage Malta biex b’hekk kompliet tiddiversifika l-portafoll tagħha.
L-art fejn hemm dawn il-fdalijiet fiha mat-tlettax-il tomna – l-akbar akkwist ta’ dan it-tip li qatt għamel l-Istat – u parti minnha tinkludi villaġġ taħt l-art ta’ Żmien il-Bronż.
Dan l-akkwist sar b’investiment ta’ mitejn elf ewro u se jkompli jiżgura aċċessibbilità aħjar għall-patrimonju lokali li pajjiżna mogħni bih.
Is-sit jinsab bejn Wied Żembaq u Wied Dalam u x-xjajta fin-nofsinhar tiegħu, żona li dejjem kienet meqjusa bħal storikament importanti minħabba li fdalijiet li fiha huwa maħsub li jmorru sa żmien il-Feniċi jew ir-Rumani.
Fl-1881 kien sar intervent fuq ħajt megalitiku li, aktar tard, ġie li kien imur lura sa Żmien il-Bronż. Fis-seklu dsatax kienet ħarġet ukoll l-idea li ż-żona kienet tagħmel parti minn raħal fortifikat.
Din l-idea tagħmel ħafna sens minħabba l-fatt li, f’dan il-perjodu, l-abitanti kienu jagħżlu li jgħixu f’postijiet diffiċli biex jintlaħqu jew li faċilment setgħu jiddefenduhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Heritage Malta, Noel Zammit, innota li dan l-akkwist qed jagħti ċ-ċans li l-aġenzija tesplora aktar fid-dettall perjodu ieħor importanti fl-istorja ta’ pajjiżna filwaqt li tipprovdi esperjenza aktar diversifikata lil dawk li jżuru s-siti tagħha.
Zammit tkelem dwar kif il-kobor ta’ dan is-sit jagħmilha possibbli li jiġu organizzati mal-erbgħin attività differenti li jvarjaw minn xulxin, bil-viżitaturi jkollhom affarijiet differenti x’jesperjenzaw f’kull żjara.
Fost l-aspetti storiċi li se jiġu spjegati permezz ta’ dan is-sit hemm ix-xogħol tal-fuħħar, il-ħsad tal-qamħ, il-ħami tal-ħobż bla ħmira, l-insiġ, u l-manifattura ta’ għodda.
Zammit spjega li parti mill-ħsieb tal-aġenzija dwar il-proġett fis-sit se jinvolvi li dawk li jżuru ż-żona jgħinu fl-iskavar, naturalment taħt superviżjoni.
Zammit stqarr, “Beħsiebna nagħmlu proġett sostenibbli minn dan is-sit illi għadna kif akkwistajna, li huwa biswit Borġ in-Nadur, proġett illi fih se ninvolu l-pubbliku u t-turist ukoll biex jiskava magħna, taħt superviżjoni tagħna, ikun jista’ jinvolvi ruħu direttament fit-twettiq tal-proġett.”
Il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, qal li permezz ta’ dan l-akkwist anki l-prodott turistiku se jkompli jgħolli l-livell tiegħu.
Bonnici qal, “Dan il-villaġġ ta’ Żmien il-Bronż, Għar Dalam, ta’ Kaċċatura. Hawnhekk hawn żona rikka immens li m’għandniex dubju li se tkompli tarrikkixxi l-istorja ta’ pajjiżna u se tagħti prodott ħaj u ħafna u ħafna aħjar lit-turisti kollha li jiġu jżuru din iż-żona.”