Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-futur tar-Reġjun ta’ Donbas iħoll u jorbot fuq kif l-Ukrajna se tkun qed tiddefendi l-belt ta’ Severodonetsk.
Madanakollu, ir-Russja qed issaħħaħ il-forzi tagħha, u tinsab viċin li tieħu taħt il-kontroll tagħha din il-belt, meqjusa daqstant importanti fl-avvanz militari Russu.
Fil-fatt, l-ambaxxatur tar-Russja għan-Nazzjonijiet Magħquda qal li r-Russja qed tagħmel progress mgħaġġel f’dan ir-reġjun.
Intant, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, tenna sabiex tinstab soluzzjoni biex l-Ukrajna tkun tista’ tesporta b’mod sigur prodotti tal-ikel, mill-Baħar l-Iswed.
Guterres wissa li jekk ma jsirx hekk, is-sitwazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tkompli tmur għall-agħar.