Transport Malta nediet paġna ġdida fuq is-sit elettroniku tagħha, li fuqha dawk li xtraw karozza second hand jistgħu jiċċekkjaw jekk ġewx affettwati mill-allegat tbagħbis fl-arloġġi tal-karozzi second-hand importati mill-Ġappun.
F’din il-paġna, hemm diversi struzzjonijiet li wieħed jista’ jimxi magħhom biex ikun jista’ jivverifika jekk il-kilometraġġ fil-logbook tal-karozza tagħhom jirriflettix il-kilometraġġ attwali fir-rekords tal-kumpanija Ġappuniża li tiċċertifika l-esportazzjoni tal-karozzi second hand qabel ma jħallu l-pajjiż.
JEVIC hija l-kumpanija Ġappuniża li tiċċertifika dawn il-karozzi, wara li l-ispetturi tagħha joħorġu ċertifikat fuq il-kundizzjoni tal-karozzi, inkluż il-kilometraġġ, li mbagħad jitpoġġa f’database online li jista’ jiġi aċċessat bin-numru tax-chassis tal-karozzi.
Intant, b’rabta ma’ dan l-allegat tbagħbis fl-arloġġi tal-karozzi, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qalet li dawk affettwati jistgħu jiftħu ilment fuq is-sit tal-Awtorità jew billi jagħmlu kuntatt mal-istess Awtorità permezz tat-telefon.
Kienet il-Maltatoday li tlett ijiem ilu rrappurtat dan l-allegat tbagħbis fejn ingħad li numru ta’ karozzi mixtrija mingħand żewġ bejjiegħa partikolari kellhom il-kilometraġġ fuq l-arloġġ tal-karozza li ma kienx qed jaqbel mal-kilometri li suppost għamlet il-karozza meta nxtrat.
Fi stqarrija l-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur kienet qalet li huwa importanti li mal-ilment ikun hemm id-dokumenti kollha neċessarji, fosthom il-prova tax-xiri, l-isem tal-bejjiegħ u kull dokument ieħor relatat maħruġ minn Transport Malta.