Fid-diskors tiegħu fil-Parlament waqt it-tieni qari tal-liġi dwar l-IVF, il-Prim Ministru spjega l-emendi li qed jitressqu u kif se jitwessgħu l-proċeduri li tippermetti x-xjenza biex aktar familji jkollhom ferħ bit-twelid t’aktar trabi.
B’dak imressaq sa qabel l-ewwel mitt jum ta’ Gvern li kellu din il-liġi proposta bħala wegħda ewlenija, se jkun hemm aktar ċikli tal-IVF mingħajr ħlas.
Fil-Parlament, il-Prim Ministru semma wħud mill-prinċipji tal-bidliet ewlenin proposti.
“Qabel xejn se nwessgħu l-età ta’ dawk li huma eleġibbli biex jgħaddu mill-proċess tal-IVF, biex l-ogħla età titla’ għal 49 sena. Qegħdin inbidlu d-definizzjoni ta’ ċiklu. Dan b’mod li l-emendi l-ġodda se jfissru iktar ċikli mingħajr ħlas. U dawk li diġà użaw it-tliet ċikli, issa se jiġu offruti ċiklu ieħor. Se nagħtu opportunità għat-tieni wild lil kulħadd. Kemm dawk li kellhom wild naturali u llum għandhom sfida ta’ infertilità, kif ukol dawk li kellhom l-ewwel wild bl-IVF. Se nagħtuhom it-tieni ċans.”
Prim Ministru – Robert Abela
Il-Prim Ministru semma wkoll kif se jiġi ffaċilitat il-proċess biex aktar embrijuni barra l-pajjiż ikunu jistgħu jinġiebu f’Malta; sa żewġ embrijuni kull ċiklu.
Il-Prim Ministru nnota wkoll kif waħda mill-emendi tindirizza realtà fejn koppji tal-istess sess bdew jitilfu ċ-ċans li jkunu donaturi mal-mument li jiżżewġu jew jidħlu f’unjoni ċivili.
Bidla fil-liġi tinkludi li persuni relatati b’affinità, ukoll jistgħu jsiru donaturi.
Intqal ukoll li bl-emendi proposti, se ssir reviżjoni fl-età massima għal 36 sena neqsin jum minn meta ssir id-donazzjoni u mhux meta tasal f’pajjiżna.
Dwar il-PGTM, il-Prim Ministru saħaq li dan se jsir skont protokoll stabbilit u serju biex l-IVF ikun proċess li kemm jista’ jkun iġib esperjenza pożittiva u għalhekk mhux se jsir testing kapriċjuż li se jsir fuq kulħadd.
“M’aħniex indaħħlu xi testing kapriċjuż, jew inkella testing across the board. Fi kliem iktar sempliċi mhux kull min se jagħmel l-IVF se jkun jista’ jagħmel dan it-test. Anzi, fil-maġġoranza mhux se jkun hemm il-ħtieġa jew id-dritt li jsir it-test. Iżda, se jagħmluh dawk li jafu li jekk ma jagħmluhx minflok il-ferħ ta’ tarbija ġdida, se jaffaċjaw l-imrar ta’ twelid li miegħu iġib sofferenzi kbar. Ta’ mard serju u rari mingħajr ebda kura għalih. Saħansitra f’ċerti każi l-mewt wara ftit xhur, liema xhur ikunu ddominati biss minn tbatija. Xi ħaġa li żgur li ħadd minnha ma jrid.”
Prim Ministru – Robert Abela
Fil-kuntest li kien qed jitkellem, il-Prim Ministru nnota t-tbatijiet u trawmiet li għaddew minnhom persuni li tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom bil-proċess tal-IVF imma saħaq li hemm oħrajn li tkellmu fil-magħluq u għaraf il-ħtieġa li nkunu sensittivi quddiem dawn l-esperjenzi reali.
“Li semmejt iktar qabel huma esperjenzi reali ta’ nies li kellhom il-kuraġġ jitkellmu fil-pubbliku. Bħalhom iltqajt ma’ ħafna oħrajn li kellmuna bejn l-erba’ ħitan tal-uffiċċju. Qasmu magħna l-esperjenzi tagħhom personalment għax jiddejqu, għax għadhom ma sabux dak il-kuraġġ. L-aħħar li jridu jisimgħu huma dikjarazzjonijiet insensittivi bħalma saħansitra diġà smajna fl-aħħar ġimgħat.”
Prim Ministru – Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li mal-Gvern li jmexxi, in-nies jafu fejn qegħdin.
Dan għal-kuntrarju tal-Oppożizzjoni, li l-Kap tagħha Bernard Grech qaleb il-fatti ta’ taħt fuq meta qal li l-Oppożizzjoni vvutat favur l-emendi fil-liġi tal-IVF fl-2018 meta fil-fatt ivvutat kontra.
“Hawn diversi mill-Membri li dakinhar vvotaw kontra u llum għadhom hawn f’din il-Kamra. Nittama, nittama biss li din id-darba nkunu Parlament magħqud. Fuq kollox nittama li nkunu sensittivi f’dan id-dibattitu li għandna quddiemna. Għax fl-aħħar mill-aħħar x’kien ir-riżultat tal-IVF fl-aħħar snin? It-twelid ta’ mijiet ta’ trabi, iktar minn 425 tarbija. U b’dak li qed nagħmlu llum se nkomplu nwessgħu dan iċ-ċans. Inwessgħu dan iċ-ċans f’pajjiżna stess.”
Prim Ministru – Robert Abela