“Ħadd daqs persuni li ġarrbu mill-esperjenzi li għaddew minnhom wara l-proċess tal-IVF ma jistgħu jitkellmu. Kieku setgħu, tkellmu dawn il-persuni minfloki għax ħadd daqshom ma jista’ jesprimi ħsibijiet għal sitwazzjonijiet li llum nafu li jista’ jkun hawn soluzzjonijiet għalihom.”
Kien b’dan il-kliem t’empatija ma’ nies li ma jistennew xejn għajr li wieħed issa jaġixxi fuq wegħda ewlenija ta’ Gvern Laburista ġdid, li l-Prim Ministru Robert Abela fetaħ id-dibattitu parlamentari dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF li għandhom l-għan li aktar nies isiru ġenituri.
L-Erbgħa filgħaxija, il-Prim Ministru mhux biss tkellem fuq wegħda ewlenija tal-Partit Laburista li ġie mwiegħed li titwettaq fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid iżda semma l-esperjenzi ta’ persuni li ressqu ’l quddiem u taw l-esperjenza qarsa li tilfu t-tarbija tagħhom ftit wara t-twelid u jafu li mingħajr l-emendi mressqa, se jiġrilhom l-istess għal kull wild ieħor li jippjanaw minħabba kundizzjoni ġenetika.
Quddiem dawn ir-realtajiet, Dr Abela saħaq li dawn il-persuni jistennew soluzzjoni u din qed tingħata bl-emendi fil-liġi, anki għaliex waħda mill-emendi tgħid li permezz ta’ teknoloġija avvanzata, f’każijiet ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi serji, isir pre-implantation genetic testing for monogenic diseases, dak magħruf bħala pgtm.
“Aħna qegħdin hawn biex noħolqu soċjetà iktar ġusta! Li kemm jista’ jkun tagħti l-istess ċans lil kulħadd. U dak hu l-għan tar-riforma li għandna quddiemna llum. Għidli kif tista twarrab l-empatija milli tkun prinċipju ewlieni li jiggwidak fit-tmexxija? L-empatija, jigifieri dik li tħoss għall-bżonnijiet ġenwini tan-nies. Mhux biss tħoss imma taġixxi dwarhom. Nistgħu nisimgħu kemm trid teoriji, kemm trid argumenti etiċi. Ħafna drabi jitressqu minn min ma jkunx ġarrab u għadda minn trawmi bħal ma semmejt.”
Prim Ministru – Robert Abela
Il-Prim Ministru kien ċar u qal li l-għażla li għandu quddiemu l-Parlament hija waħda ċara u favur li aktar persuni jsiru ġenituri f’pajjiżna stess.
“Jekk irridux ngħinu lil dawn il-familji, jew inħalluhom ibatu? Jekk irridux iktar ħajjiet ġodda, jew le? Fuq kollox jekk irridux proċess li jwassal għal ħajjiet li jgħixu, u mhux imutu fil-ġuf jew ftit wara t-twelid. L-għażla li ħa l-Gvern hi waħda ċara ħafna. Għal dawn id-domandi qed inwieġbu b’mod ċar u determinat. Daqshekk inħbejna wara subgħajna nesportaw l-isfida ta’ dawn il-koppji barra minn Malta. Nibagħtuhom iħallsu l-eluf ’il bogħod minn familthom għax il-Parlament sal-lum kien għadu m’għamilx dan il-pass. Wasal il-mument li naġixxu.”
Prim Ministru – Robert Abela
F’diskors b’saħħtu u li jimmarka azzjoni, il-Prim Ministru appella għal vot b’saħħtu favur il-liġi mressqa tal-IVF.
“Ejja nuru imħabba u nkunu soċjetà li mhux biss taf tagħder imma li mhux lesta toqgħod ċassa. Iżda, dan naghmluh mhux biss bil-paroli imma wkoll bil-fatti. Għalhekk dan il-parlament jeħtieġ jibgħat vot b’saħħtu favur din il-liġi.”
Prim Ministru – Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq li l-bidla li tagħti ċans b’saħħtu ħafna lill-ġenituri prospettivi tixhed Gvern li jibqa’ l-iktar forza progressiva f’Malta.
Saħaq li dan ma jfissirx li wieħed jieħu gost għax huwa progressiv iżda jkun qed jaqta’ l-frott tal-kuraġġ li għandu biex iġib bidla.
Sostna li għalhekk vot favur din il-liġi huwa vot favur il-ħajja, l-imħabba u li Malta tassew tkun ta’ kulħadd.
“Għax dan hu Gvern li ma jagħlaq għajnejh għal realtajiet ta’ ħadd. Li ma jibżax jersaq ’il quddiem b’riformi kbar u sinjifkanti. Imnebbħa minn prinċipji ċari. F’dan il-każ, iċ-ċans li rridu nagħtu lil kulħadd biex jibni l-familja tiegħu u jsir ġenitur. Għalhekk, Sur President, Vot favur dawn il-bidliet huwa vot favur iktar ħajjiet. Vot favur il-ġenituri prospettivi. Vot għall-imħabba. Vot għal pajjiż iktar ġust. Vot għal Malta ta’ kulħadd.”
Prim Ministru – Robert Abela