Ftehim iffirmat bejn id-Dar tal-Providenza u l-Aġenzija Sapport se jassigura investiment ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro fuq medda ta’ tliet snin, biex persuni b’diżabilità jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Permezz ta’ dawn il-fondi, tliet persuni b’diżabilità li jgħixu fir-residenza ‘Akwarell’ fil-Qawra, li hija amministrata mid-Dar tal-Providenza, se jinxtara apparat iffinanzjat mill-Gvern.
Il-Ministru responsabbli mill-inklużjoni, Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-ftehim jissiġilla r-relazzjoni li l-istat għandu ma’ din id-Dar.
Farrugia Portelli qalet, “Dan il-ftehim juri li l-Gvern huwa impenjat biex ikompli jaħdem fuq ir-relazzjoni tajba ħafna li diġà hemm bejn il-Gvern u d-Dar tal-Providenza u qed naraw illi se nkomplu nimbuttaw il-kunċett ta’ ħajja semi-dipendenti fil-komunità.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna tkellem dwar is-sinifikat ta’ dan il-ftehim b’risq persuni b’diżabilità.
Scicluna stqarr, “Dan il-ftehim fil-fatt qed jiffinalizza ftehim għal tliet snin fejn ħa naraw iż-żewġ persuni li qed jgħixu hemmhekk li għandhom diżabilità fiżika u persuna oħra li se tkun qed tingħaqad magħhom fil-futur qrib biex jgħixu fil-komunità.”
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef irrimarka li dan il-ftehim ikompli juri appoġġ bżonnjuż lejn ix-xogħol li jsir b’tant dedikazzjoni ma’ dawn il-persuni.
Fr Micallef qal, “Dan il-finanzjament ikompli juri l-appoġġ u l-impenn tal-Gvern biex djar bħalma hija Dar l-Akwarell fil-komunità għal persuni b’diżabilità titmexxa b’mod sostenibbli.”