Bosta ġenituri ta’ studenti ta’ bejn is-sebgħa snin u l-11-il sena kienu favur li t-tfal tagħhom jibqgħu jingħataw iż-żejt tal-ħuta.
Dan ħareġ minn riċerka ppubblikata wara li studenti li jattendu l-iskola tas-St. Joseph, Mater Boni Consilii Raħal Ġdid li bejn Marzu u Ġunju tas-sena skolastika li għaddiet kienu fit-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt sena ħadu sehem fi proġett pilota.
ONE News tkellem ma’ Charles Micallef, riċerkatur u anke ġenitur, li amministra dan il-proġett. Huwa tkellem fost oħrajn fil-benefiċċju li għandu ż-żejt tal-ħuta.
Micallef qal, “Waħda mir-raġunijiet għalfejn ħassejt li għandna nibdew dan il-proġett, taż-żejt tal-ħuta waqt il-pandemija. Dik tfisser li l-ewwel nett kellna challenge, allura la rnexxielna waqt il-pandemija, mela jirnexxielna nagħmluha anke fi żmien il-bnazzi u l-oħra minħabba l-fatt li bdew joħorġu riċerki li l-vitamina D tibbustja l-immune system u ż-żejt tal-ħuta fih il-vitamina D wkoll.”
Fl-imgħoddi, ż-żejt tal-ħuta kien jingħata lill-istudenti fl-iskola, li apparti li fih vitamini li jsaħħu l-għadam, fih ukoll l-Omega 3 li jgħin il-moħħ.
Bid-differenza li llum il-ġurnata, iż-żejt tal-ħuta jiġi f’kapsoli b’tomgħiet itjeb minn dak li kien jingħata snin ilu.
Micallef, li flimkien mal-amministrazzjoni tal-Iskola, wettqu dan l-istudju, appella biex jerġa’ jibda jingħata ż-żejt tal-ħuta.
Huwa stqarr, “L-għan tagħna kien li nerġgħu nqajjmu awareness, nerġgħu ndawru r-rota ta’ erbgħin sena ilu. Iċċekkjajt ukoll, jidhirli li l-ebda pajjiż fid-dinja mhu qed iqassam iż-żejt tal-ħuta; u għalhekk Malta għandha ċ-ċans tad-deheb li tista’ terġa’ tkun hi l-ewwel pajjiż, li terġa’ tqassam iż-żejt tal-ħuta wara waqfa ta’ xi kważi erbgħin sena.”