L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA kompliet bil-ħidma tagħha li fost l-oħrajn tirregolarizza u tħares l-ambjent minn abbużi, kif kien fil-każ ta’ barriera qrib Għal Lapsi, s-Siġġiewi.
Hawnhekk l-Awtorità investigat l-aspetti li għandha s-setgħa li tirregolarizza b’mod speċjali f’aspetti tal-ħarsien xieraq tal-ambjent f’pajjiżna.
Dan ix-xogħol kien innotat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli fil-Parlament waqt li kien qed jiġi diskuss ir-rapport ta’ ħidma tal-istess Awtorità għas-sena 2021.
Hija nnotat kif il-ħidma tal-Awtorità waqqfet ir-rimi illegali li kien qed joħnoq il-kundizzjoni tal-ambjent ta’ madwar il-barriera.
Il-Ministru Dalli stqarret, “L-ERA investigat din il-barriera partikolari fuq l-aspetti li tista’ tinvestiga fuqhom bħala parti mill-irwol regolatorju tagħha, li jinkludi wkoll il-konformità mal-permess ambjentali fuq din il-barriera għall-immaniġġjar ta’ skart tal-kostruzzjoni, immaniġġjar ta’ fuels li jinżammu fuq is-sit emmissjonijiet tat-trab u anki aspetti ambjentali oħra.”
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li l-ERA m’hijiex l-unika awtorità responsabbli fir-regolazzjoni ta’ din il-barriera, madanakollu assigurat li l-investigazzjoni li saret se tara li tindirizza d-diversi aspetti li sabet mill-awtoritajiet ikkonċernati.
Dan bħalma ġara f’każijiet oħrajn fosthom fiż-żoni tad-Dwejra, Għawdex fejn l-investigazzjonijiet wasslu biex fi żmien ħmistax-il ġurnata kellu jitneħħa l-iskart mormi b’mod illegali u li kien qed jħalli impatt negattiv fuq l-ambjent fil-madwar.
Bħalissa l-Awtorità qed issegwi każ ieħor, ta’ tfigħ estensiv ta’ skart f’żona protetta fil-limiti tal-Fawwara, is-Siġġiewi. Hawnhekk min kien responsabbli ġie ordnat inaddaf is-sit, bl-awtorità għadha qed issegwi l-każ mill-viċin.
Barra x-xogħol regolatorju, l-ERA għaddejja wkoll b’ħolqien ta’ kampanji t’għarfien filwaqt li qed tespandi l-aspett diġitali għas-servizzi li toffri.