Ġermaniż ta’ 51 sena weġġa’ gravi wara ħabta bejn krejn u vettura fix-Xewkija, Għawdex.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9 ta’ dalgħodu, fi Triq l-Imġarr.
Immedjatament fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien hemm ħabta bejn krejn, misjuq minn raġel ta’ 37 sena li jgħix Għajnsielem u vettura misjuqa minn Ġermaniż ta’ 48 sena. Fl-istess vettura kien hemm passiġġier Ġermaniż ta’ 51 sena.
Iż-żewġ Ġermaniżi ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, bil-passiġġier ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, waqt li x-xufier weġġa’ ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.