Ġie ffirmat ftehim bejn diversi entitajiet lokali li se jara l-formazzjoni tal-‘Malta National Node’ bħala parti mill-Infrastruttura tar-Riċerka Xjentifika fuq il-Patrimonju.
Il-proġett ta’ Infrastruttura Ewropea fir-Riċerka Xjentifika, magħruf bħala l-E-RIHS, u huwa iffurmat minn tlettax-il pajjiż, inkluż Malta u fih jipparteċipaw aktar minn mitt istituzzjoni tax-xjenza tal-wirt.
Dan kollu jħares diversi aspetti tal-patrimoju nazzjonali permezz tar-riċerka xjentifika fosthom l-interpretazzjoni, il-preservazzjoni u d-dokumentazzjoni.
Bl-għan ikun dak li faċilitajiet minn pajjiżi differenti jkunu integrati f’organizzazzjoni li tappoġġja l-avvanzi fix-xjenza tal-wirt.
F’pajjiżna dan il-ftehim jinkludi fih l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, Heritage Malta, id-Direttorat tar-Restawr, l-Arkivji Nazzjonali, Malta Libraries, disa’ dipartimenti u fakultajiet tal-Università ta’ Malta flimien mal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Ippreseda l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici li stqarr kif dan huwa pass importanti fil-qasam tal-partimonju u r-riċerka xjentifika.
Bonnici qal, “Dan huwa aspett importanti ħafna tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-patrimonju li aħna rridu nimbuttaw ’il quddiem. Aħna se nkomplu għaddejjin naħdmu biex il-qasam tal-patrimonju ta’ pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem jagħmel passi importanti sabiex inkomplu nħarsuh u ninterpretawh.”
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, Joyce Dimech esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal din il-kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet.
Dimech qalet, “Kuntenta ħafna bl-okkażjoni tal-lejla għaliex il-ħidma konġunta ta’ diversi entitajiet, l-Università, l-Arċidjoċesi u l-fondazzjonijiet issarefet illum f’dan il-Memorandum of Understanding li se jwassalna għal livell ieħor t’eċċellenza fir-riċerka fejn jidħol il-patrimoju nazzjonali.”