Nikola Vujkovic ta’ 33 sena nżamm arrestat wara li lbieraħ il-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla u tar-Rapid Intervention Unit arrestawh wara li kien qed jiġi mfittex b’rabta ma’ feriment waqt ġlieda li seħħet aktar kmieni din is-sena.
L-aggressur tressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-għassa Dr Josette Demicoli fejn il-prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ fis-17 ta’ Frar li għadda fi stabbiliment fi Triq ix-Xatt, Wied il-Għajn. F’din il-ġlieda l-akkużat weġġa’ gravi raġel ta’ 29 sena minn Wied il-Għajn. L-allegat aggressur, ta’ nazzjonalità Serba, ħarab minn fuq il-post.
Intqal ukoll kif fil-5 ta’ Marzu l-imputat ġie arrestat madankollu huwa uża dokumenti u passaport falz u b’hekk inħeles mill-arrest.
Wara investigazzjonijiet intensivi, ilbieraħ il-Pulizija waslitilha informazzjoni li l-persuna mfittxija kienet qiegħda fi stabbiliment fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. Għaldaqstant, fuq il-post marru immedjatament uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit u malli r-raġel induna bil-preżenza tagħhom ipprova jaħrab.
Madankollu, waqt li kien qiegħed jiġi arrestat beda jkun aggressiv fil-konfront tal-pulizija u anke rreżista l-arrest. Konsegwenza ta’ hekk, erba’ Pulizija sofrew xi ġrieħi u ngħataw l-assistenza medika fl-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u li ssir investigazzjoni minħabba li waqt l-arrest l-imputat spiċċa vittma għaliex seba’ pulizija daru mal-imputat u b’hekk kiser siequ u safa ġrieħi gravi f’idu l-leminija.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest hekk kif il-pulizija damet erba’ xhur tfittex lill-imputat minħabba li kellu dokumenti foloz.
Wara li l-Qorti semgħet is-sottomisjonijiet miż-żewġ naħat, hija ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravita tar-reat.