Baqa’ jinżamm arrestat żagħżugħ li pprova jaħrab wara li ġie mmanettjat ma’ bank mill-Pulizija, meta ġie arrestat fl-ajruport ilbieraħ filgħodu.
L-akkużat huwa Somalu ta’ tnejn u għoxrin sena li qed ifittex l-ażil u tressaq quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia mill-Ispettur Roxanne Tabone.
Huwa ġie akkużat li daħal f’żona ristretta tal-ajruport mingħajr awtorizzazzjoni, li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija, li wettaq ħsara fuq proprjetà tal-ajruport u li m’obdiex ordnijiet tal-Pulizija.
L-Ispettur Tabone spjegat li kmieni l-Ħadd filgħodu, l-akkużat ittieħed fil-kustodja tal-Pulizija wara li żgiċċa miż-żona tas-sigurtà minn fejn jgħaddu l-passiġġieri u pprova jitla fuq ajruplan bit-Tallinja card.
L-uffiċjali mmanettjaw lis-suspettat ma’ bank sakemm jiġu għalih uffiċjali oħra u jarrestawh iżda f’ħin minnhom qam minn fuq il-bank u ġibdu miegħu f’attentat biex jipprova jaħrab, bil-konsegwenza li kkawża danni lill-ajruport.
Iż-żagħżugħ ma kkooperax mal-Pulizija wara l-arrest u allegatament tahom ukoll informazzjoni falza.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat.