Nhar id-29 ta’ Ġunju se ssir l-ewwel edizzjoni ta’ Hospice Malta Festa Sport, li fiha se jieħdu sehem diversi Assoċjazzjonijiet Sportivi biex jinġabru fondi għal Hospice Malta.
Id-dħul mid-donazzjonijiet se jmur biex jitlesta is-St. Michael Hospice, l-ewwel faċilità għall-kura paljattiva f’Malta.
Il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima qal li f’din il-Festa Sport qed naraw kif entità governattiva u s-settur tal-volontarjat flimkien ma’ assoċjazzjonijiet sportivi qed iwasslu messaġġ, li b’ħidma professjonali, nistgħu nagħmlu d-differenza.
Intant, il-Kap Eżekuttiva ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, tkellem kif permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Sport Malta qed tmur ‘l hinn mill-ħidma tagħha fis-settur sportiv, imma qed tgħaqqad l-isport ma’ għan nobbli.
Kenneth Delia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta qal li l-fondi miġbura se jiġu nvestiti f’servizzi ġodda u jitkabbru dawk eżistenti. Bħalissa Hospice Malta, li ilha topera 33 sena, qed toffri s-servizzi tagħha lil madwar 1,300 familja.
Dan huwa l-programm kollu ta’ din il-festa sportiva:
- Tournament tal-Badminton bejn id-disa’ u nofsinhar fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop
- Tournament tal-beach soccer fl-erba’ ta’ wara nofsinhar fil-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa
- Kompetizzjoni tal-isparar bil-premji bejn id-disa’ u nofsinhar fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja
- Tournament tal-Volleyball mid-disa’ fil-Kumpless Sportiv tal-Cottonera
- Tournament tal-waterpolo under 13 u Ladies Development fil-Pixxina Nazzjonali bejn id-disa’ u nofsinhar.
- Se jkun hemm ukoll tournament tal-isnooker.
Kull parteċipant se jkun mitlub jagħmel donazzjoni żgħira li pemezz tagħha jkunu qed jgħinu lil Hospice Malta. Kulħadd huwa mistieden li jipparteċipa.