Hekk kif l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità twaqqfet ftit aktar minn sena ilu f’April tal-2021, din l-aġenzija s’issa tat appoġġ lil aktar minn 1,600 vittma tal-kriminalità.
Fid-dawl ta’ dan is-suċċess, ONE News żar l-uffiċju tal-aġenzija fil-Belt Valletta, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Brian Farrugia spjega kif kmamar differenti fi ħdan l-uffiċċju jiġu utilizzati għal diversi tipi ta’ appoġġ.
Fost l-oħrajn, l-aġenzija toffri appoġġ emozzjonali u psikoloġiku lill-vittmi ta’ reati kriminali, u tagħti wkoll informazzjoni dwar il-proċess legali li se tgħaddi minnu l-vittma. Farrugia spjega kif dawn is-servizzi, li huma bla ħlas u kunfidenzjali, kienu ta’ għajnuna lil persuni ta’ kull età.
Huwa qal li mhux talli dawn is-servizzi huma faċilment aċċessibbli, iżda l-aġenzija taħdem sabiex tibda l-proċess ta’ appoġġ hi stess.
“Persuna tista tiġi hawn fil-Belt Valletta bħala ‘walk-in’, tista wkoll iċċempel fuq 25689700, u nagħmlu wkoll sistema ta’ outreach, fejn aħna wkoll nikkuntatjaw lill-vittmi sabiex nassiguraw jekk għandhomx bżonn l-għajnuna.”
Farrugia nnota wkoll ma’ dan l-istazzjon kif is-servizz offrut f’pajjiżna huwa fost l-aqwa fl-Ewropa tax-xorta tiegħu. Dan hekk kif jagħti appoġġ lill-vittmi tul kull stadju wara r-reat. Hawn l-aġenzija tagħmel ukoll kuntatt mal-vittmi jekk l-aggressuri tagħhom ikunu waslu lejn l-aħħar tas-sentenza f’każ li jkunu qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija.
“Dejjem nappellaw li jekk inti b’mod dirett jew indirett, kont suġġett ta’ att kriminali, tiddejjaqx tersaq lejna, għaliex aħna qiegħdin hawn biex ngħinu, tajjeb li t-trawma tilqaha minn qabel u ma tħallijiex għaddejja, kif ukoll, tajjeb li jekk intom tafu lil xi ħadd li għaddej minn xi każ simili, tiddejqux titkellmu mal-persuna sabiex hi wkoll tikseb dan is-servizz.”