Fl-2020 u l-2021, sentejn ikkaraterrizatti mill-isfidi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19 madwar id-dinja, il-Malta Enterprise investiet mas-17-il miljun ewro f’aktar minn 90 intrapriża żgħira jew start-ups.
F’rapport fil-gazzetta KullĦadd ġie rrappurtat kif pajjiżna għandu ekosistema ideali għal imprendituri li jridu jkabbru n-negozju tagħhom, fejn fil-fatt, jimirħu b’rata mgħaġġla tant li jrendu tajjeb kemm ekonomikament u anke għas-suq tax-xogħol lokali.
Il-Ministru għall-Intrapriżi responsabbli mill-Malta Enterprise, Miriam Dalli, nhar it-Tlieta li għadda ħabbret din iċ-ċifra tal-investimenti li għamlet din l-entità governattiva fi tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari.
Hu mifhum li dawn is-17-il miljun ewro, li ġew investiti mill-Malta Enterprise, mhux kollha għadhom tħabbru l-proġetti tagħhom u allura għadhom iridu jrendu dħul ieħor fl-ekonomija, waqt li jżidu l-opportunitajiet ta’ xogħol fiż-żmien li ġej.
Din hija turija ċara kif pajjiżna biddel f’opportunitajiet l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija fuq l-ekonomiji madwar id-dinja, sostniet il-gazzetta.
Fil-fatt, il-Malta Enterprise toffri numru ta’ miżuri ta’ appoġġ, bħall-B Start, Startup Finance, Startup Advance, Business Start. Il-Ministru Dalli qalet ukoll li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem sabiex pajjiżna jsir hub għall-istart-ups.
Malta, li l-ekosistema tagħha għal dawn it-tip ta’ negozji diġà hija attrajenti, ġibdet lejha negozji lokali u internazzjonali li jispeċjalizzaw f’niċeċ bħat-teknoloġija medika, xjenzi, riċerka, teknoloġija tal-informatika u intelliġenza artifiċjali, fost oħrajn.
Il-Ministru Dalli, fil-Parlament saħqet kif F’dinja ekonomika ta’ wara l-COVID, irridu ninċentivaw lil min għandu ideat innovattivi, f’oqsma diversi bħalma huma l-Fintech, Medtech, Cyber security u digital gaming, fost oħrajn.