Mal-kunflitti li diġà kien hemm fil-Partit Nazzjonalista nibet kunflitt ieħor fl-aħħar jiem, dak bejn persuni interessati li jokkupaw il-pożizzjoni ta’ Viċi Kap ta’ Bernard Grech.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd il-Ħadd filgħodu hekk kif imkejjen fid-Dar Ċentrali li tkellmu mal-gazzetta sostnew li s-sitwazzjoni mistennija tkompli tikkomplika ruħha b’riżultat ta’ wegħdi żejda li saru lil ħafna persuni.
Fil-fatt il-Kullħadd spjegat kif jirriżultala li l-Kap Bernard Grech jew nies qrib sew tiegħu għamlu impenn ta’ appoġġ ma’ diversi persuni interessati f’din il-kariga fit-tentattiv ovvju li kien qed isir biex Grech jakkwista kemm jista’ jkun voti fl-elezzjoni mal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.
Hawn aktar minn 28% tal-Kunsilliera ma’ vvutawx lil Bernard Grech billi jew ma marrux jivvutaw, ħassru l-vot jew inkella saħansitra vvutaw li Grech m’għandux jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Skond informazzjoni li kisbet il-gazzetta KullĦadd, jirriżulta li interessati fil-kariga bħalissa hemm żgur tliet persuni – id-Deputati Mark Anthony Sammut, Joe Giglio u Janice Chetcuti. Jista’ jkun hemm oħrajn fil-ġirja, għalkemm Claudette Buttigieg, li xhur ilu kienet ingħatat l-impressjoni li setgħet tkun hi l-papabbli, spiċċat tilfet kważi kull appoġġ li kellha fil-Partit, anke wara li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ġiet eletta bil-mekkaniżmu tal-ġeneru.
Justin Schembri u l-Għawdxi Alex Borg ukoll mhumiex jagħlqu bibien f ’dan l-istadju.
Din id-darba se jkun hemm biss Viċi Kap wieħed wara emendi fl-istatut. Attivisti nisa fil-Partit ukoll qed ifakkru lil Grech fil-wegħda li kien għamel qabel sar Kap. Dik li jrid mara bħala Viċi Kap tiegħu. Hawn beda jagħti l-impressjoni li se tkun Janice Chetcuti, l-avukata li ma kkontestatx l-elezzjoni każwali fuq it-Tielet Distrett biex telgħet bil-mekkaniżmu korrettiv tan-nisa fuq talba ta’ Grech innifsu u, minflok, tellfet iċ-ċans li jkun hemm mara oħra fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
Wara dawn il-manuvri n-nies li jappoġġjaw lil Chetcuti bdew jagħtu x’jinftiehem li tagħhom hi l-kandidata favorita tal-Kap.
Minkejja dan, Mark Anthony Sammut, li fil-PN għandu l-fama li ma tafx fejn qiegħed miegħu minħabba l-mod kif ġab ruħu anke fil-konfront tal-Eks Kap Adrian Delia u kif illum bidel id-diska ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet, mhuwiex iċedi pulzier lanqas.
Fil-fatt, bħalissa dan għaddej b’kampanja ma taqta’ xejn biex jidher kemm jista’ jkun fil-pubbliku u jkun mistieden fi programmi f’isem il-PN. Is-sorsi tal-KullĦadd hawn spjegaw li n-nies ta’ Grech ħallewh għaddej u m’urtawhx, għax jafu li miegħu hemm nies tal-establishment li poġġewh fil-kariga.
Madankollu l-istess sorsi spjegaw kif qed jingħad li ma tantx jixtiquh ma’ djul il-Kap ladarba l-kelma ġriet li dan l-ewwel dejjem jara kif se jgawdi u jikber hu.
F’dan kollu reġa’ qed isegwi s-sitwazzjoni Joe Giglio, li għalkemm kien donnu tilef l-interess issa qed jara li fi ġlieda bejn tnejn, jista’ jgawdi hu. U għalhekk reġa’ beda għaddej bil-kampanja interna tiegħu.
Kampanja li diġà bdiet issib Oppożizzjoni tal-fazzjoni li qed timbotta lil Sammut.