Mara ta’ 31 sena li toqgħod Ħaż-Żabbar weġġgħet serjament u raġel ta’ 49 mill-istess lokalità indarab gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żabbar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn bowser tal-għamla DAF u Land Rover Discovery. Fil-Land Rover, kien hemm ukoll raġel ta’ 27 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-persuni li kienu fil-vettura l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Ix-xufier tal-bowser ittieħed għall-kura ġewwa Ċentru tas-Saħħa.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.