Ġimgħat wara li nfetħet l-ewwel ambaxxata Maltija fl-Amerika Latina, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg żar il-Brażil, fejn kellu numru ta’ laqgħat uffiċjali ma’ diversi Ministri tal-Brażil.
Huwa kellu messaġġ ċar; li Malta tixtieq ittejjeb ir-relazzjoni bilaterali tagħha mal-Brażil.
Waqt din iż-żjara uffiċjali, il-Ministru sostna li jekk il-ġimgħa d-dieħla, pajjiżna jingħata l-fiduċja biex iservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, ikun jista’ jservi f’din il-fora importanti mal-Brażil matul is-sena d-dieħla, u b’hekk ikun jista’ jikkoopera fuq materji importanti fejn jidħlu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
Id-diskussjonijiet fil-Brażil ħarsu lejn il-possibilitajiet biex fiż-żmien li ġej, jiġu ffirmati numru ta’ ftehimiet li bihom igawdu ż-żewġ popli.
Fost l-oħrajn, fil-jiem li ġejjin se jiġi ffirmat ftehim biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu, b’mod partikolari fid-dawl li ħafna studenti Brażiljani jiġu jistudjaw l-Ingliż f’Malta.
“F’dawn il-laqgħat li kelli fosthom mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, mal-Ministru tal-Ekonomija u mal-Ministru tat-Turiżmu, semmejna r-relazzjoni li diġà għandhom iż-żewġ popli, in-negozji varji imma kif nistgħu nkomplu nkabbru, jekk hux per eżempju l-istudenti li jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna, jekk hux il-kummerċ li diġà jeżisti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prodotti tal-ikel u anki setturi oħrajn, imma anki fil-qasam tas-servizzi.”
L-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Brażil qal li huwa ta’ privileġġ u unur li Malta għażlet lill-Brażil bħala l-ewwel pajjiż fejn se jkollu rappreżentanza fl-Amerika Latina.