Bl-istaġun sajfi fuq l-għatba, tnediet edizzjoni oħra tal-kampanja edukattiva, “Fuq il-baħar, Moħħok hemm”.
L-appell mill-awtoritajiet huwa li l-baħħara jieħdu ħsieb li jkollhom dak kollu li għandhom bżonn biex ibaħħru, filwaqt li jkunu responsabbli fl-ibħra Maltin.
Din il-kampanja qed tara wkoll li l-baħar jitgawda minn kulħadd u jiġi mħares l-ambjent.
Din il-kampanja se tkun qed teduka u tfakkar lill-pubbliku dwar ir-regoli li għandhom jiġu segwiti, kemm mill-għawwiema kif ukoll mis-sidien tad-dgħajjes biex igawdu l-baħar mingħajr ebda traġedji.
Id-Deputat Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kevin Farrugia, stqarr li l-mira tal-kampanja hija li teduka lil kull min juża l-baħar.
“Il-kampanja l-għan tagħha huwa għan edukattiv, li jieħu ħsieb min ikun qed juża l-baħar bl-opri tal-baħar u anke lill-għawwiema. Tiffoka wkoll fuq l-użu tal-islip ways biex ma nħalluhomx okkupati u l-mollijiet, nirrispettaw iż-żoni tal-għawwiema fejn ikun hemm l-għawwiema u nirrispettaw ukoll dawk il-passaġġi fil-baħar li ngħidulhom fair ways.”
Il-Ministru għat-Trasport, Aaron Farrugia stqarr kif is-sajf Malti jfisser li l-baħar ta’ madwar Malta se jara ħafna aktar nies u għalhekk jeħtieġ li tiżdied il-kawtela meta wieħed ikun qed igawdi.
“Kampanja t’għarfien li tirrispetta kemm lill-baħħar li qed isuq bil-vettura jew bċejjeċ tal-baħar, imma wkoll l-għawwiem, il-bilanċ bejniethom u jirrispettaw lil xulxin. L-għan tagħna huwa wieħed, li fejn jidħlu użu ta’ slip ways, ta’ fair ways, mollijiet, imma wkoll ta’ kif jinħaslu dawn il-bċejjeċ tal-baħar, nirrispettaw lil xulxin u naraw li lil pajjiżna nħalluh aħjar milli hu.”
Filwaqt li l-edukazzjoni hija kruċjali, l-infurzar min-naħa tal-Uffiċjali Marittimi se tkun essenzjali biex l-ibħra Maltin ikunu jistgħu jitgawdew b’mod sigur minn kulħadd.