L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, adottat sistema innovattiva li tgħin lin-negozji żgħar biex jagħmlu valutazzjoni tar-riskji mingħajr il-bżonn li jqabbdu esperti minn barra n-negozju.
Dan se jkun possibbli permezz tas-sit bla ħlas, bl-isem ta’ ‘Online Interactive Risk Assessment’. In-negozji żgħar se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn din is-sistema li hija sempliċi biżżejjed biex tkun tista’ tintuża minn kulħadd. B’hekk, l-intrapriżi se jkunu jistgħu jaqdu l-obbligi legali tagħhom mingħajr spejjeż żejda, minbarra li s-sistema toffrilhom ukoll soluzzjonijiet interattivi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Mark Gauci, spjega li din is-sistema ġiet żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Gauci qal, “Hija għodda b’xejn, u allura tgħin lil dak li jkun, anzi tikkoraġġih biex juża din l-għodda u b’dan il-mod ikun qed jissalvagwardja lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tiegħu u fl-istess ħin jissodisfa l-obbliġi legali tiegħu.”
Preżenti għat-tħabbir ta’ dan is-sit kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, li saħaq fuq il-ħtieġa li s-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol jibdew jitqiesu minn min jimpjega jew imexxi bħala riskju tan-negozju daqs kull riskju ieħor.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar li l-Gvern qed jinvesti f’aktar taħriġ fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.