Il-Brigadier Jeffrey Curmi mistenni jħalli t-tmexxija tal-Forzi Armati ta’ Malta, kariga li ilu jokkupa sa minn Diċembru tal-2013.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri permezz ta’ kitba fuq Facebook.
Huwa sellem lil Curmi filwaqt li rringrazzjah tax-xogħol għamel tul il-karriera twila fi ħdan il-Forzi Armati.
Curmi huwa gradwat fil-Fiżika u studja s-Sigurtà u l-Valutazzjoni tar-Riskju fuq livell ta’ Maġistru
Fl-1994 ingħaqad mal-Forzi Armati ta’ Malta wara li gradwa b’suċċess minn ‘The Royal Military Academy Sandhurst fir-Renju Unit fejn ġie nkunurnat bħala l-awqa student barrani.
Fl-Istati Uniti ngħata premijiet prestiġġjużi fosthom ‘Honor Man’ mill-United States Dive School.
F’karriera ta’ tmienja u għoxrin sena Curmi speċjalizza f’diversi aspetti tal-Forzi Armati bħal splussivi, kimiċi, għadds u intelliġenza strateġika.
Barra minn hekk, tul il-karrieri tiegħu ħadem mill-qrib f’investigazzjonijiet mal-Qrati Maltin, il-Pulizija ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Huwa kien ukoll parteċipi f’diversi missjoni lil hinn minn xtutna fosthom fir-Renju Unit mal-Qawwiet Navali Ewropej u anki fil-Libja.
Tul iż-żmien li għamel fit-tmun tal-Forzi Armati ta’ Malta l-fiduċja tal-pubbliku fl-Armata kienet l-ogħla fost l-istituzzjonijiet.
Huwa jservi wkoll bħala lettur viżitatur fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fl-Università ta’ Malta u espert tekniku tal-Qorti fejn jidħlu splussivi u inċidenti marbuta mal-għadds.