Il-festa tradizzjonali f’Ħaż-Żebbuġ ħadet il-ħajja f’forma differenti: dik ta’ ktieb għat-tfal.
B’inizjattiva tat-12th May Band & Social Clud tnieda ktieb li jinkorpora storja fittizja mibnija madwar il-karattru prinċipali ta’ Daniel, li jmur għall-festa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-ktieb jismu ‘Il-Festa man-Nannu Lipp’. Fir-rakkont jissemmew diversi termini relatati mal-festa Maltija li jitfissru tul il-ktieb kollu.
Il-pubblikazzjoni hija mill-pinna ta’ Andrew Borg, u l-kliem huwa akkumpanjat b’illustrazzjonijiet ta’ David Schembri. Ir-rakkont ilaqqa’ lil tfal ta’ età bikrija ma’ dak li normalment jiġri fil-festa, li ilha nieqsa mit-toroq u l-imsieraħ tagħna għal dawn l-aħħar sentejn minħabba l-pandemija.
Kien għalhekk li nħass il-bżonn li t-tfal fir-raħal, b’mod speċjali dawk li jattendu l-iskola Primarja San Injazju, jersqu aktar qrib u jesperjenzaw it-tradizzjoni tal-festa Maltija.
Dan qed isir fid-dawl tal-fatt li t-taħlit fil-komunità u l-ħajja mgħaġġla tista’ ttellef l-interess tat-tfal mit-tradizzjonijiet Maltin.
Il-President tas-Soċjetà, Mariella Mizzi, spjegat kif dan il-ktieb indirizza din l-isfida partikolari bil-għan li ma jintilifx il-wirt kulturali.
Mizzi qalet, “Però, nixtiequ aħna, bħala soċjetà, Inrawmu fit-tfal din l-imħabba għall-festa ta’ San Filep, għall-qaddis ovvjament, u għal dak kollu li jiġri f’Ħaż-Żebbuġ. Nisperaw li b’din l-okkażjoni tal-lum għamilna ftit avvanz.”
Din l-inizjattiva rabtet mal-proġett akbar li jismu ‘Reviving Our Music Heritage’ li, bħal dan il-proġett tal-ktieb, kellu s-sostenn tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Fit-tnedija tal-ktieb fl-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ kien hemm is-sehem tal-banda tal-każin, li animat l-attività permezz ta’ antifoni u innijiet tradizzjonali.
Is-Surmast Herman Farrugia Franz stqarr li dan il-proġett wiesa’ nkluda studju u riċerka li marru lura fiż-żmien u li reġa’ ta l-ħajja lil wirt mużikali rikk li għandu dan ir-raħal.
Huwa qal, “Dan li għamilna, qbadna mużika antika ta’ San Filep, antifoni li jmorru lura sal-1801, tal-kompożitur kbir Francesco Azzoaprdi, li fuqu jsiru Dottorati – jiġifieri kompożitu kbir. Għamilna editing u erġajna ppreżentajnihom lill-poplu Żebbuġi fis-7 ta’ Mejju f’kunċert bl-orkestra. Hemmhekk kellna mat-tnax-il antifona.”