Mara rreżistiet lill-uffiċjali li kienu qed jeskortawha l-Qorti u nsistiet li mhux se tmur il-ħabs, wara li fil-Qorti ġiet miċħuda l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi ta’ traffikar uman.
Amira Khadraoui, Maltija ta’ sebgħa u għoxrin sena li tgħix Għawdex, għajtet, bkiet u mbuttat lill-uffiċjali nisa li kienu se jeħduha lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li ħarġet mill-awla.
Fil-fatt, malli ħarġet mill-awla, l-akkużata bdiet tgħajjat u tgħid li mhux se tmur il-ħabs. Din imbagħad reġgħet daħlet fl-awla fejn kien se jibda smigħ ieħor.
L-uffiċjali kkalmawha u ħarġuha mill-awla, iżda l-mara baqa’ tinsisti li m’għamlet xejn ħażin u m’hemm l-ebda evidenza.
Is-sitwazzjoni kompliet teskala hekk kif il-mara m’aċċettatx li titlibbes il-manetti u tittieħed fil-Faċilità Korrettiva.
Eventwalment il-mara nżammet taħt kontroll, wara xenata sħiħa u anki kliem ħażin.
Aktar kmieni, l-investigaturi qalu fil-Qorti li l-mara ġiet arrestata bħala r-raba’ suspettata f’każ li jinvolvi żewġ nisa mill-Amerika t’Isfel li ddikjaraw li ġew sfurzati fil-prostituzzjoni.
Tlett irġiel ġew arrestati b’rabta mal-istess każ nhar il-Ġimgħa li għadda u baqgħu jinżammu arrestati.
Il-mara wieġbet mhux ħatja li, b’mod ripetittiv u anki bi vjolenza psikoloġika, sfurzat lill-allegati vittmi fil-prostituzzjoni.
Hija ġiet akkużata wkoll li kkawżat lill-vittmi biża’ li tintuża vjolenza fuqhom, li kellhom jgħixu mill-qligħ tal-prostituzzjoni, li assistiet lill-akkużati l-oħra biex iwettqu dan ir-reat, u li kienet involuta fit-tmexxija ta’ burdell.
L-Ispettur Joseph Busuttil qal li l-investigazzjoni issa hija kompluta u l-ewwel seduta tat-tliet allegati akkużati l-oħra hija skedata għall-ġimgħa d-dieħla.
Meta ġiet miċħuda l-ħelsien mill-arrest, l-ispettur spjega kif il-mara ppruvat tistaħba qabel ma, eventwalment, ġiet arrestata.
L-indirizz tagħha kien irreġistrat f’garaxx li rriżulta li kien post abbandunat li ma kien jgħix ħadd fih u allura l-Pulizija ma setgħux isibuha mill-ewwel.
L-allegati vittmi għadhom iridu jixhdu u dan wassal ukoll għal biża’ ta’ intralċ tal-provi.
L-Ispettur irrimarka li t-traffikar uman huwa reat serju ħafna, filwaqt li l-avukat tad-Difiża argumentat li f’dan l-istadju, l-akkużata għadha preżunta innoċenti.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u l-Qorti ħarġet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-vittmi.