Joe Caruana Curran mhux se jibqa’ fil-kariga ta’ president tal-Aquatic Sports Association hekk kif mhux se jerġa’ jikkontesta għal din il-kariga.
It-terminu tiegħu jispiċċa fl-aħħar ta’ Novembru li ġej, iżda jista’ jkun il-każ li jħalli l-kariga qabel tmiem it-terminu.
Jidher li din id-deċizjoni hija dovuta għall-fatt li Caruana Curran qed iħoss li ma għandux l-appoġġ tal-klabbs kollha. Filwaqt li kien interessat li joħroġ għal terminu ieħor, is-Sur Caruana Curran qed jisħaq li dan jagħmlu jekk kemm il-darba jkollu l-appoġġ tal-klabbs warajh. Madanakollu fil-preżent jidher li hemm xi klabbs li ma humiex kuntenti bih fit-tmexxija tal-ASA.
Din l-aħbar waslet ftit ġranet qabel il-bidu tal-kampjonat tas-sajf tal-waterpolo u anke f’mument meta’ t-timijiet nazzjonali tal-waterpolo u anke bosta għawwiema qed iħejju għal impenji internazzjonali importanti.
Joe Caruana Caruana ilu tnax-il sena fit-tmexxija tal-Aquatic Sports Association. Tul dawn is-snin l-isport akwatiku ra avvanzi u riżultati kbar, b’bosta rekords miksura fl-għawm u bit-timijiet nazzjonali tal-waterpolo jgħaddu għall-finali tal-kampjonat ewropew.