Fi tmiem il-Kampjonati Open Ungeriżi tal-Għawm Artistiku li saru f’Budapest, l-Ungerija, Michelle Hubner, il-Kowċ Nazzjonali, kienet ferm kuntenta bir-riżultati miksuba minn Ana Culic, Zea Montfort u Emily Ruggier. Il-Kampjonati ospitaw 14-il pajjiż b’aktar minn 500 atleta fid-diversi kategoriji ta’ etajiet.
Fl-U15 Figures, minn 102 atleta, Zea Montfort spiċċat fil-5 post b’total ta’ 70.986 punt, Dan ir-riżultat hu l-aħjar riżultat miksub sa issa minn Montfort, b;titjib ta’ 4 punti fuq l-iskor miksub fil-COMEN Cup f’Settembru li għadda. Emily Ruggier spiċċat fid-19-il post b’total ta’ 65.414 punt.
Zea Montfort spiċċat ukoll fit-3 post fl-U15 Solo Free, fejn kisbet 71.333 punt, żieda ta’ 4 punti fuq ir-riżultati miksuba fil-COMEN Cup.
Fl-U15 Duet Free, minn 19-il parteċipant, Zea Montfort u Emily Ruggier kisbu t-2 post b’total ta’ 138.066 punt titjib ta’ 7 punti fuq l-iskor miksub fit-Tazza COMEN.
Ana Culic spiċċat fil-5 post fis-Solo Free, minn 11-il atleta, li kisbet total ta’ 70.907 punt, ukoll b’titjib ta’ 3 punti fuq il-punteġġ miksub fl-Open ta’ Franza f’April.
Fis-Solo Tech, Culic kompliet ittejjeb il-punteġġ li kisbet fl-Open ta’ Franza bi 8 punti sabiex spiċċat fis-6 post u b’total ta’ 72.300 punt.
Michelle Hubner esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għat-titjib miksub mit-tliet atleti u qalet li dan jawgura tajjeb għall-kompetizzjonijiet internazzjonali li ġejjin u se jinkoraġġixxi wkoll lill-għawwiema artistiċi l-oħra kollha.