“Il-monkeypox mhix Covid oħra.” Iddikjarat dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, f’intervista ma’ ONE News tlett ijiem wara li f’Malta ġie rreġistrat każ tal-ġidri tax-xadini.
Hija spjegat li l-ġidri tax-xadini ilha teżisti mis-snin sebgħin u li l-ewwel każijiet kienu rreġistrati fl-Afrika.
Li ġara issa huwa li bdew jiġu rreġistrati każijiet fl-Ewropa.
L-iktar sintomu li jiddiferenzja l-ġidri tax-xadini minn mard ieħor huwa r-raxx li jitla tul it-tliet ġimgħat ta’ din il-marda.
Qalet, “Ir-raxx jinbidel matul il-perjodu tal-marda u joħorġu leżjonijiet bl-ilma. Eventwalment, dawn il-leżjonijiet jiffurmaw qoxra fuqhom u f’dan il-perjodu ta’ tliet ġimgħat, il-persuna tfiq. Ġeneralment, li qegħdin naraw f’din it-tip ta’ monkeypox fl-Ewropa, il-kundizzjoni tal-persuna hija tajba, ma rajna l-ebda mwiet u dawn il-persuni ħafna minnhom ikunu qed jiġu ttrattati fid-dar tagħhom.”
Il-Professur Gauci qalet li l-vaċċin li kien jingħata snin ilu kontra l-ġidri, joffri wkoll protezzjoni għal min illum jaqbdu l-ġidri tax-xadini.
Qalet, “Persuni li kienu mlaqqmin meta kienu żgħar għall-ismallpox, li llum il-ġurnata għandhom ’il fuq minn ħamsin sena, dawn nafu li għandhom ċerta protezzjoni wkoll kontra l-monkeypox. Infatti, jekk huma jieħdu l-monkeypox, nafu li s-sintomi li jistgħu jiżviluppawlhom huma inqas milli kieku huma ma kinux imlaqqmin.”
Il-Professur Gauci spjegat li bħalissa t-testijiet qed isiru barra minn Malta iżda ġew ordnati testijiet apposta biex jibdew isiru f’Malta fil-ġranet li ġejjin. Ir-riżultat joħroġ fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa.
Hija saħqet li l-ġidri tax-xadini m’għandha x’taqsam xejn mal-Covid u li r-riskju li tiġi trasmessa minn persuna għal oħra huwa ferm inqas.
Qalet, “Il-monkeypox mhix il-Covid. It-trasmissjoni tal-monkeypox hija differenti. Għandek ħafna iktar ċans li jkollok trasmissjoni mill-Covid milli jkollok mill-monkeypox.”
Pazjent li jkollu s-sintomi, isirlu test u jiġi iżolat mill-ewwel.
Persuni li jkollhom kuntatt ma’ persuni pożittivi, m’għandhomx għalfejn jagħmlu kwarantina iżda jiġu segwiti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa f’każ li jiżviluppawlhom is-sintomi.
Qalet, “Għandna l-mezzi wkoll kif nistgħu nikkontrollawha. Prinċiparjament, huma dawk il-persuni li jkunu pożittivi għall-monkeypox, importanti li jagħmlu iżolazzjoni biex ma jifirxuhiex ma’ ħaddieħor u anki dawk li jkollhom kuntatt dirett ma’ każ tal-monkeypox insegwuhom biex, jekk ikollhom xi sintomi, nagħmlu t-test mill-ewwel.”