Malli ħareġ mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fi tmiem l-ewwel seduta quddiem il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina, u Mezzi Soċjali tal-Partit wara allegazzjonijiet serji li għamel fuq il-partit, il-kandidat Nazzjonalista u Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, iddikjara li jħossu “seren ħafna”.
F’artiklu li kiteb fit-Times of Malta fit-13 ta’ Mejju, huwa allega li xi ħadd kbir fil-Partit Nazzjonalista kien iltaqa’ ma’ kuntrattur ewlieni f’lukanda u ftiehmu li l-partit jagħlaqlu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu ta’ San Ġiljan. Fl-artiklu, Buttigieg ilmenta li l-partit fil-fatt warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali u qal li ħassu mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda.
Qal, “L-uniku kumment huwa: I’m very serene, ta, OK?”
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu lil One News li l-Partit ippospona t-tressiq ta’ Buttigieg quddiem il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina, u Mezzi Soċjali tiegħu għal wara l-konferma ta’ Bernard Grech bħala Kap sabiex jevita li jinqala’ aktar ġlied intern qabel il-vot. Fil-fatt hekk sar, u minkejja l-ultimatum ta’ 24 siegħa li l-Partit oriġinarjament ta lil Buttigieg biex jikxef min hu s-sors tiegħu, ma tressaqx qabel ma Bernard Grech ġie kkonfermat Kap.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalu li, waqt is-seduta, Buttigieg wieġeb għall-mistoqsijiet kollha iżda rrifjuta li jikxef is-sors li infurmah dwar l-allegata laqgħa bejn ix-xi ħadd kbir fil-Partit Nazzjonalista u l-kuntrattur ewlieni f’lukanda.
F’kumment li ta lil One News qabel ma saret is-seduta, Albert Buttigieg innifsu qal li kien qed jistenna b’ħerqa din il-laqgħa, iżda insista li mhu lest qatt jikxef is-sors tiegħu, lanqas jekk ikollu jħallas prezz għal dan. Albert Buttigieg qalilna wkoll li jsib konfort fil-Liġi dwar il-Protezzjoni td-Dejta u fil-Liġi dwar il-Whistleblower.
Nies li jafu sew lil Albert Buttigieg qalu li huma konvinti li hu qatt m’hu se jċedi għall-pressjoni biex jikxef is-sors tiegħu, u li lest iħallas kwalunkwe prezz biex iżomm ma’ dan il-prinċipju.
Qalulna wkoll li, dan il-proċess qed jarawh fid-dawl tad-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Partit, Bernard Grech, ftit ilu, li min joħroġ jikkritika l-operat tal-partit minn barra ma jkollux intenzjonijiet tajbin.
Qal, “Inti ma jistax jkollok intenzjoni tajba li tmur fil-pubbliku u tattakka u tipprova tkisser lill-Partit meta inti taf li għandek strutturi fil-Partit li għandna nużawhom biex intejbu dawk l-affarijiet li ma jkunux sejrin tajjeb.”
Min-naħa tiegħu, l-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, wera biċ-ċar li l-affarijiet jarahom xort’oħra.
Qal, “Min jikkritika b’mod kostruttiv. Min irid id-diskussjoni għax jemmen li jrid jikkontribwixxi allura m’għandekx tagħlaqlu ħalqu.”