Il-President ta’ Malta, George Vella, żar il-Valletta Design Cluster, fejn seta’ japprezza s-sinifikanza ta’ dan il-bini għall-artisti u għall-ideat innovattivi.
Flimkien maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, u l-Ministru għall-Arti u l-Wirt Kulturali, Owen Bonnici, il-President ġie infurmat dwar l-istorja ta’ dan il-bini, li sa ftit ilu kien fi stat ta’ abbandun. Ġie spjegat lilu kif, minkejja l-interventi moderni tal-bini, dan xorta waħda żamm il-karatteristiċi tradizzjonali Maltin tiegħu, fosthom il-madum u l-ġebla Maltija.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tkellem dwar kif dan il-bini huwa ġojjell li ġab riġenerazzjoni ekonomika, soċjali, u kulturali f’din iż-żona fil-belt kapitali. Spjega kif dan għandu bosta użi għal gruppi differenti.
Qal, “Dan il-post qiegħed jilqa’ komunitajiet differenti – reliġjużi, ekkleżjastiċi, komunitajiet sportivi, l-għaqdiet tal-festi tal-Belt Valletta – għax huwa wkoll post li jilqa’ l-komunità tal-Belt, imma wkoll huwa post li jilqa’ l-komunità Maltija kollha kemm hi. Naturalment, huwa post b’ħafna użi diversi, fosthom ukoll spazju aħdar; spazju aħdar li huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu, fuq is-saqaf tiegħu”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li proġetti li jagħtu l-ħajja lill-innovazzjoni u lill-impriżi li jkunu għadhom fil-bidu, bħalma hu l-Valletta Design Cluster, għandhom jiġu inċentivati u megħjuna.
Qal, “L-għan hu wkoll li tagħti impetu ġdid fil-qasam tal-istartups u d-disinn, fejn aħna qed ngħidu li persuni li qed jibdew il-karriera tagħhom fil-qasam tad-disinn jistgħu jiġu hawn u jkollhom spazju li jagħtihom l-opportunità li jikbru. Dan huwa x-xogħol li qed nagħmlu biex, bis-saħħa tal-kultura, nirriġeneraw postijiet li kienu mitluqa u anke nagħtu impetu ġdid fl-ekonomija kreattiva, li tant hija importanti għal pajjiżna.”
Il-President Vella rringrazzja lil kull min kien involut f’din ir-riġenerazzjoni u osserva li, b’dan il-proġett, dan is-sit ġie salvat għal bosta ġenerazzjonijiet tal-futur.