Kmieni dalgħodu seħħ argument bejn diversi persuni fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-04:15, meta qam argument bejn diversi rġiel li fih, allegatament, intużaw xabla u oġġett tal-ħġieġ.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku biex jassisti u numru ta’ ambulanzi, li ħadu Libjan ta’ 36 sena, Iranjan ta’ 24 sena, Ingliż ta’ 28 sena u raġel ieħor, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
Ħames barranin oħra qed jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali.