Fl-ewwel jum tas-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja Ewropej qablu fuq is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja.
Dan is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet jinkludi li jipprojbixxi l-maġġoranza taż-żejt Russu lejn is-suq Ewropew sa tmiem din is-sena.
Dan il-pakkett ta’ sanzjonijiet jinkludi ż-żejt Russu li jiġi esportat bil-baħar, iżda se jżomm iż-żejt Russu li jasal permezz tal-pipeline.
Ħabbar dan il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, waqt konferenza tal-aħbarijiet, ftit wara nofsillejl.
B’dan qbil sar mill-mexxejja Ewropej waqt l-ewwel jum tas-Summit, li preżenti għalih hemm il-Prim Ministru Malti Robert Abela.
Charles Michel qal kif din hija kisba eċċezzjonali u qal kif l-Unjoni Ewropea trid taħdem flimkien fi żmien ta’ sfidi internazzjonali.
Barra l-enerġija, dan is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja mill-Unjoni Ewropea jinkludi wkoll li jitneħħa l-akbar bank Russu, Sberbank, mis-sistema SWIFT.
Dan is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja tħabbar ġimgħat ilu, iżda pajjiżi bħall-Unġerija, l-Islovakja, ir-Reppublika Ċeka u l-Bulgarija ma bdewx jaqblu u biex dan il-pakkett ta’ sanzjonijiet jidħol fis-seħħ ried ikun hemm il-qbil tal-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Intant, is-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew se jkompli matul il-jum tat-Tlieta, fejn il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu l-kriżi tal-enerġija, id-difiża u s-sigurtà tal-ikel.