Kien għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar meta d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie nnotifikati b’nirien f’Wied il-Għomor, fis-Swieqi. Fl-istess ħin, irċivew telefonata dwar nirien oħrajn li żviluppaw fil-Mosta, viċin supermarket. In-nar fil-Mosta ġie kkontrollat minnufih, iżda fis-Swieqi s-sitwazzjoni kienet differenti.
Il-kawża ta’ dawn in-nirien għadha mhix magħrufa.
Fis-Swieqi marru 30 pumpier u erba’ uffiċjali, b’għaxar vetturi tat-tifi tan-nar u numru ta’ bawżers bl-ilma. Fil-fatt intużaw mal-120,000 litru ta’ ilma.
Siegħa wara, għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, daħlet telefonata oħra li żviluppaw nirien oħrajn, did-darba viċin l-impjanti tar-reverse osmosis f’Pembroke. Dawn ġew ikkontrollati fl-iqsar żmien minn numru ta’ pumpiera oħra.
Intant, ħidmet il-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fis-Swieqi ma qatgħet xejn biex iwaqqfu n-nirien milli jkomplu jinfirxu. In-nixfa u r-riħ offrew sfida lill-pumpiera biex jikkontrollaw in-nirien. Madanakollu, irnexxielhom u b’xorti tajba ħadd ma’ weġġa’. Anke l-annimali fl-irziezet kienu mħarsa.
Fuq il-post kien hemm tim mediku mill-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei sabiex jassisti lill-pumpiera. Kien hemm ukoll membri mill-għaqdiet mhux governattivi tas-Saint John Rescue Crops u mill-Emergency Fire & Rescue Unit.
Waqt din il-ħidma, assistew ukoll membri mil-LESA, mill-korp tal-Pulizija, u mit-Transport Malta, li dderieġew it-traffiku hekk kif f’xi waqtiet it-toroq tal-madwar kienu magħluqa. Ir-residenti tal-inħawi ġew avżati biex iżommu t-twieqi magħluqin.