Bejn l-2017 u l-2021, aktar minn 51,500 mara sabu impjieg full-time jew part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom, fis-settur privat u f’dak pubbliku. B’kollox, kważi 48,600 mara sabu xogħol fis-settur privat u ftit inqas minn 3,000 ġew impjegati fis-settur pubbliku.
Dan ħareġ minn informazzjoni li ta l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, fi tweġiba għal mistoqsija li saritlu fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija.
F’dan il-perjodu ta’ ħames snin, in-numru ta’ nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol baqa’ konsistenti, b’medja ta’ aktar minn 10,300 mara fis-sena.
Din l-informazzjoni turi kif il-maġġoranza tan-nisa li qabdu jaħdmu f’dak il-perjodu ta’ ħames snin, daħlu f’xogħol full-time. Fil-fatt, dan jammonta għal ftit inqas minn 35,000 mara, jew 68 fil-mija.
Mill-banda l-oħra, fil-ħames snin li għaddew, ftit inqas minn 16,600 mara bdew jaħdmu xogħol part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom.
L-2018 kienet is-sena meta l-aktar li daħlu nisa jaħdmu. Fil-fatt, l-informazzjoni mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra turi li ġew irreġistrati ’l fuq minn 12,300 mara. Min-naħa l-oħra, l-2020, is-sena ta’ sfida globali li ġabet magħha l-pandemija, irreġistrat l-inqas numru. Fl-2020 kienu kważi 6,700 mara li sabu impjieg.