Il-Pulizija talbet li r-residenti tal-akwati ta’ Tal-Ibraġ biex iżommu t-twieqi ta’ djarhom magħluqa. Talbet ukoll lis-sewwieqa biex jevitaw Triq l-Ibraġ minħabba li tinstab temporanjament magħluqa minħabba nirien qawwija li ħakmu wied fis-Swieqi.
Bħalissa, bosta membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’operazzjoni delikata u diffiċli biex jikkontrollaw in-nirien.
Il-Pulizija qalet li n-nirien bdew minn Wied il-Għomor għall-ħabta tat-3pm u nfirxu lejn in-naħa Pembroke. Qalet ukoll li m’hemmx rapport ta’ nies li weġġgħu.
Fuq il-post hemm ukoll ambulanza tal-annimali biex jiġu evakwati xi annimali mill-wied.
Mill-ġdid, it-triq bejn is-Swieqi u San Ġwann infetħet, hekk kif għal xi ħin minħabba dawn in-nirien kienet magħluqa.