Illum, il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed imur Brussell sabiex jieħu sehem f’Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew, li se jkun mifrux bejn il-jum tat-Tnejn u t-Tlieta.
F’dan il-Kunsill Ewropew speċjali, is-27 mexxej mill-Istati membri tal-Unjoni Ewropea se jiddiskutu s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, l-enerġija u s-sigurtà tal-ikel, fost oħrajn.
Fuq is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu s-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż, fit-tielet xahar mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu kif l-Unjoni Ewropea tista’ tgħin biex dan il-pajjiż jerġa’ jinbena mill-ġdid wara l-gwerra.
Hawnhekk fuq stedina tal-President tal-Kunsill Ewropew ser jingħaqad il-President Ukren Volodymr Zeleskyy b’mod virtwali.
F’dan is-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew se jkunu diskussa wkoll il-prezzijiet tal-enerġija, li għolew kullimkien madwar l-Ewropa. B’din qed tolqot kemm in-negozji u anki lil diversi familji.
Dwar dan is-suġġett, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal kif il-mexxejja Ewropej se jaraw kif jista’ jitħaffef il-proċess sabiex il-pajjiżi Ewropew jinqatgħu mid-dipendenza tal-enerġija tar-Russja.
Il-gwerra fl-Ukrajna qed taffettwa wkoll il-produzzjoni tal-ikel u waqt dan is-summit speċjali, il-mexxejja Ewropej ser jiddiskutu sabiex il-produzzjoni tal-ikel tibqa’ stabbli, kemm fl-Ewropa u anki madwar id-dinja.
Dwar dan is-suġġett, f’dan is-summit ser jingħaqad iċ-Chairperson tal-Unjoni Afrikana, Macky Sarr. Dan hekk kif il-pajjiżi Afrikani huma fost dawk l-aktar li qed jintlaqtu minn din il-kriżi tal-ikel.
Dan is-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew se jkun qed jibda għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar.