Sergio Perez fuq Red Bull rebaħ il-Grand Prix ta’ Monaco. Grand Prix li kien iddominat mix-xita, tant li kellu jibda’ madwar siegħa tard. Fit-tieni post spiċċa Carlos Sainz fuq Ferrari, filwaqt li s-sewwieq l-ieħor ta’ Red Bull Max Verstappen daħal it-tielet. Charles Leclerc, li kien beda mill-pole position spiċċa fir-raba’ pożizzjoni.
Determinanti kienu l-pit stops, bir-red Bull għarfu japprofittaw minn ċertu nuqqasijiet tal-Ferrari fil-pit stops.
George Russell fuq Mercedes spiċċa l-ħames u Lando Norris fuq McLaren daħal fis-sitt post.
Segwew Fernando Alonso (Alpine) fis-seba’ post, Lewis Hamilton (Mercedes) fit-tmien post, Valtteri Bottas (Alfa Romeo) fid-disa’ post u Sebastian Vettel (Aston Martin) fl-għaxar pożizzjoni.
Inċident ikrah għal Mick Schumacher li kkraxxja bil-karozza tiegħu Haas, iżda b’xorti tajba ma ġralu xejn.
Fil-klassifika tas-sewwieqa Max Verstappen għandu vantaġġ ta’ 9 punti fuq Charles Leclerc. Sergio Perez jinsab fit-tielet post, 6 punti taħt Leclerc.