Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici illum se jkun qed jippreżenta l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi li se jkun qed jemenda liġijiet relatati mat-traffiku sabiex insaħħu s-sigurtà fit-toroq.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, li saret qabel l-ewwel seduta Parlamentari għal din is-sena, l-Ministru Bonnici fakkar kif nhar it-8 t’Ottubru 2016 tnediet konsultazzjoni pubblika fuq white paper sabiex il-pubbliku inġenerali u stakeholders involuti jgħaddu l-opinjoni tagħhom.
Huwa qal li sa meta għalqet il-konsultazzjoni pubblika fil-15 ta’ Novembru 2016, il-Ministeru kien irċieva 47 sottomissjoni. Il-Ministru Bonnici tenna kif is-sottomissjonijiet kienu b’mod ġenerali pożittivi u juru kif il-pubbliku jixtieq li jkollna iktar liġijiet li jsaħħu s-sigurtà fit-toroq.
Dr Bonnici spjega li ġaladarba dan l-abbozz jgħaddi mill-istadji kollha fil-Parlament u jsir liġi se jkun hemmħames bidliet prinċipali.
Huwa qal li l-ewwel bidla hi li bis-saħħa ta’ dawn l-emendi kif proposti, l-pieni għal min isuq taħt l-effett tal-alkoħol se jkunu qed jiħraxu.
Filfatt, f’każ li persuna tinqabad issuq taħt l-effett tal-alkoħol għall-ewwel darba, l-piena se togħla minn multa ta’ 1,200 ewro jew sa 3 xhur priġunerija għal multa ta’ 1,800 ewro jew sa massimu ta’ 6 xhur priġunerija. Barra minn hekk, jekk persuna terga’ tagħmel din il-kontravenzjoni għal darbtejn jew iktar il-piena se togħla minn multa ta’ 2,329.37 ewro jew sa’ 6 xhur priġunerija għal multa ta’ 3000 ewro jew sa’ massimu ta’ sena priġunerija.
Bonnici spjega ukoll kif il-Qorti se tkun qed tingħata s-setgħa li tqiegħed lill-ħati taħt ordni ta’ probation u li tordnalu li jattendi programm ta’ riabilitazzjoni a spejjeż tiegħu u/jew li timponi ordni ta’ servizz fil-komunità taħt l-Att dwar il-Probation.
Barra minn hekk, Bonnici spjega li t-tieni bidla hija li tidhol sistema ġdida ta’ limiti ta’ alkoħol permessibli fis-sewqan li mill-iktar waħda ġeneruża fl-Unjoni Ewropea se tkun qed tersaq aktar viċin il-medja ta’ standards Ewropej. Filfatt, se tibda ssir distinzjoni bejn sewwieqa ta’ vetturi għall-użu privat, sewwieqa ta’ vetturi kummerċjali, sewwieqa ta’ karozzi tal-linja, coaches u vetturi oħra li jġorru passiġġieri bi ħlas u sewqan minn sewwieqa li jkun għad għandhom liċenzja tas-sewqan bi prova. Sabiex ikun hemm l-aħjar sigurtà, Bonnici saħaq li mhux se jkun permissibli ebda livell ta’ alkoħol dwar sewqan jew tentattiv ta’ sewqan ta’ karozzi tal-linja, coaches u vetturi oħra li jġorru passiġieri bi ħlas.
Sabiex ikun hemm aktar infurzar, Bonnici tenna li din il-liġi se tagħti s-setgħa lill-gwardjani lokali li jagħmlu testijiet tan-nifs, jiġifieri l-breathalyzer test meta jkollhom suspett raġjonevoli li l-proporzjon ta’ alkoħol fid-demm ta’ dik il-persuna jkun iżjed mill-limitu preskritt u dan sal-istadju li tissejjaħ il-Pulizija. Din hija t-tielet bidla.
Barra minn hekk, il-Ministru Bonnici spjega li se jogħlew ukoll il-pieni għal min isuq bla liċenzja jew inkella jagħmel użu min-numri li ma jkunux in-numri tal-vettura.
Il-Ministru Bonnici spjega kif minbarra dan l-abbozz se jkun hemm leġislazzjoni sussidjarja li permezz tagħha s-sistema ta’ punti fuq il-liċenzja tas-sewqan meta jinkisru ċerta regoli serji tat-traffiku se tiġi estiża għas-sewwieqa kollha minflok għas-sewwieqa bi prova biss, bl-aktar reati serji jġorru magħhom l-aktar punti. Fost dawn insibu qtil konsegwenza ta’ sewqan perikoluz, użu ta’ mobile phone waqt is-sewqan u f’każ li wieħed ma jieqafx wara inċident, jiġifieri każijiet ta’ hit and run. Kull sewwieq li matul perjodu ta’ tnax-il xahar jeħel mill-anqas tnax-il punt ta’ penali jkollu l-liċenzja revokata u jkun jista’ jakkwista liċenzja oħra biss skont certi regoli li jagħmlu distinzjoni bejn sewwieqa li jeħlu l-ewwel revoka u aktar minn waħda.
Madanakollu, Bonnici saħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni lis-sewwieqa. Filfatt, fl-abbozz hemm propost li jekk sewwieq jattendi kors dwar l-attenzjoni għas-sigurtà fit-triq, approvat mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta, il-punti penali mniżżla fuq il-liċenzja jitnaqqsu min-nofs. Dan il-kors se jkun jista’ jittieħed darba kull sentejn sabiex il-kors isir b’mod effettiv.
Bonnici temm jgħid li din il-liġi se sservi bħala deterrent għas-sewwieqa u fl-istess waqt issaħħaħ is-sigurtà fit-toroq bil-għan li jonqsu aktar il-vittmi.