Clive Butler u Sammy Grima, li jtellqu fuq El Diablo ħarġu bla telfa fit-tieni Grand Prix tal-Kampjonati tad-Dinja Voomquest Enemed UIM V2.
It-tielet u l-aħħar tellieqa ta’ tmiem il-ġimgħa rat xejra simili mit-tiġrijiet preċedenti b’Interceptor Remax ta’ Michael Xuereb u Sam Howse jisparaw l-ewwel fil-bidu, iżda biex inqabżu minn El Diablo ftit wara. Warajhom kienu Jesmond Aquilina u Christian Galea tat-tim Marine Diffusion. Dawn il-posizzjonijiet nzammew għall-kumplament tat-tellieqa b’dawn it-tlet timijiet jitligħu b’din l-ordni fuq il-podju finali tal-ġurnata.
Hekk kif it-tieni Grand Prix tal-2022 wasal fi tmiemu, ir-rebbieħa ġenerali tħabbru. Fit-tielet post kien hemm Beppe Debono u Dustin Mifsud ta’Freccia Blu, segwiti minn Interceptor Remax u El Diablo. Il-klassifikia finali ġiet deċiża fuq ir-riżultat tal-itwal tiġrija, li saret is-Sibt filgħodu.
Sadanittant, il-Klassi Cyber ma kienx hemm tlielaq illum u l-pożizzjonijiet finali fuq il-podju ġew deċiżi fit-tellieqa tal-bieraħ.
Fit-Tiġrija tal-Under21 , il-podju ġie mgħamul minn Bad Company (Rhys Grima), The Element (Celine Farrugia) u Chaudron (Hailey Ciantar), fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post rispettivament. Fl-Over 21, Bad Company (Clive Butler) reġga ħa l-ewwel post segwit minn El Diablo (Keiran Galea) u (Chaudron) – Gabriel Camilleri.
“Għal darb’oħra nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li kienu parti mill-familja Voomquest fi tmiem il-ġimgħa. It-temp ma għamilniex il-ħajja faċli iżda b’ħidma minn tim tajjeb irnexxielna ngawdu tmiem il-ġimgħa ta’ tlielaq mill-isbaħ.” Ikkumenta Aaron Ciantar, il-fundatur ta’ Voomquest.
Il-Kampjonati tad-Dinja Voomquest Enemed UIM V2 huma sponsorjati mill-Enemed u appoġġjati minn Yachting Malta Ltd., Chaudron Powerboats, P&C Cauchi Demolition, Visit Malta, Preluna Skyroom, Premium Power Sport u l-Kunsill Lokali tal-Isla.