Ftit jafu li pajjiżna għandu l-mogħża indiġena Maltija.
Dari, xena komuni fil-kampanja kienet dik ta’ ċorma mogħoż bir-rgħaj ilebbet warajhom. Xena li llum il-ġurnata rari għadek tara bħala, jew taraha biss fuq ir-ritratti.
Bosta jsostni kif il-mogħża Maltija tassew iżżewwaq u tagħmel parti kbira mil-wirt tradizzjonali ta’ pajjiżna.
Ma’ ONE News, Darryl Grech, konservazzjonist tal-bhejjem indiġeni Maltin, qal kif il-mogħża Maltija ilha f’pajjiżna eluf ta’ snin.
“Malta, il-fatt li aħna gżira żgħira biċ-ċkunija u l-limitazzjonijiet li għandna xorta nsibu mogħża indiġena Maltija. Meta ngħidu indiġena jiġifieri din il-mogħża ġiet introdotta eluf ta’ snin ilu u l-fatt li iżolati bħala gżira xorta adattat kemm għall-klima tagħna kif ukoll għal ċertu mard f’pajjiżna.”
Iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien, din l-ispeċi ta’ mogħża mżewqa għamliet, tbajja u lwien, qed tonqos fil-popolazzjoni tagħha u dan minħabba bosta fatturi.
“Il-mogħża Maltija, il-popolazzjoni tagħha naqqset drastikament matul iż-żminijiet, għandna rendikont li qabel il-gwerra kien hawn anke madwar erbgħin elf mogħoż, però din il-mogħża kienet waħda mill-fatturi li għinitna fil-gwerra għax kilna ħafna mogħoż u b’hekk naqqset il-popolazzjoni ta’ din il-bhima. Sfortunatament in-numri tagħha llum huma mhedda u jammontaw għal fit eluf.”
Fattur ieħor imur lura għall-bidu tas-seklu għoxrin, meta l-mogħża Maltija kienet il-kaġun ewlieni tad-deni rqiq u b’hekk tnedew numru ta’ miżuri mil-awtoritajiet li wasslu sabiex tnaqqset drastikament il-popolazzjoni ta’ din il-bhima.
Il-konservazzjonist żied jgħid li tibqa’ stampata wkoll f’moħħ bosta, ix-xena tar-raħħal jaħleb il-mogħża sabiex iwassal ħalib frisk fid-djar tan-nies.
Grech qal kif huwa ferm meħtieġ li r-riċerka u l-ħidma ta’ konservazzjoni ma tiqafx, sabiex jiġi evitat li din ir-razza f’pajjiżna ma tinqeridx darba għal dejjem.
“Parti mir-riċerka li qed issir, qed isir anke ċensiment min-naħa tad-direttorat tal-agrikultura, fejn se nidentifikaw dawk il-bhejjem li huma indiġeni ħalli b’hekk kif ġa qed isir fl-Agrihub nikkonservaw din il-bhima, permezz tat-tkattir.”