Is-snajja’ Maltija, il-bhejjem tar-raħħala u l-bdiewa, l-għana, iż-żfin u l-ikel tradizzjonali.
Dawn ikkaratterizzaw festa Maltija li ttellgħet fi Ġnien il-Ħaddiem f’Ħad Dingli l-Ħadd filgħodu.
Dawk li attendew għall-Għodwa Dinglija raw u daqu dak kollu li hu Malti.
Tispikka kien hemm xena li rari għadek tara, dik tal-artiġjan Malti jaħdem it-tafal bit-torn.
B’esperjenza ta’ aktar minn erbgħin sena, l-artiġjan Dingli Johnny Giordimaina, paxxa lil kulħadd, partikolarment lill-ġenerazzjonijiet żgħar, hu u kien qed jagħmel il-forom b’idejh bil-proċess l-antik.
Ma’ ONE News, huwa spjega l-proċess li kien qed jagħmel b’idejh, filwaqt li jdawwar ir-rota b’saqajh.
Giordimaina qal, “Il-proċess jinħadem l-ewwel ikollok it-tafal f’idejk, ikollok il-forma li trid tagħmel , qsari, krares, vażuni u dak li jkun irid il-poplu u npaxxih billi ntellalu l-vażuni li jkun irid.”
Qalilna kif id-dinja moderna, bil-mod il-mod qed teqred din is-sengħa li ma tantx għadha popolari fil-gżejjer Maltin.
Stqarr, “Dak iż-żmien kien żmien tajjeb imma llum spiċċa, illum ġejna fuq il-modern bħala ma qed tara l-platti taċ-ċeramika għax illum in-nies il-modern tfittex m’għadux iż-żmien ta’ erbgħin, ħamsin sena ilu.”
Is-sengħa tal-bizzilla wkoll qed tintilef u f’Ħad-Dingli, Tereża Galea qaltilna li qed tagħti l-lezzjonijiet tal-bizzila bit-tama li dan ix-xogħol bl-idejn ma jmut qatt.
Galea qalet, “Ġejna naħdmu hawnhekk, biex inħajru lin-nies fl-istess ħin ħalli s-sengħa tibqa’ għaddejja u mhux tieqaf. Hawn konkorrenza tan-nies u fil-lezzjonijiet jiġu kemm kbar u anke żgħar ta’ fuq ‘l għoxrin sena jaħdmu u jaħdmu sew.”
Għodwa Dinglija ġiet organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli.