Minnkmieni s-sena d-dieħla, dawra twila max-xatt tal-Kottonera se tibda titgawda mill-poplu.
Dan hekk kif sa issa, tlestew tliet kwarti tax-xogħlijiet infrastrutturali fil-parti ta’ Triq Sally Port jew kif inhi magħrufa wkoll bħala “It-Toqba”.
B’investiment ta’ ħames miljun ewro, l-aġenzija Infrastruttura Malta qed tagħmel xogħlijiet fuq il-mollijiet li jtulu madwar sitt mitt metru.
Meta dan ix-xogħol ta’ tisbiħ ikun lest, se joffri promenade ġdid ta’ madwar sitt kilometri minn taħt Villa Bighi fil-Kalkara sa ħdejn il-ponta tal-Isla.
F’mistoqsija parlamentari, il-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia qal li t-tisħiħ u l-bini mill-ġdid tal-pedementi tal-mollijiet, li kienu tkissru bil-maltemp, dalwaqt ikunu lesti.
Intqal kif bħalissa l-ħaddiema bdew jibnu l-passaġġi, bankini u postijiet fejn ipoġġu s-siġar u l-arbuxelli.
F’dawn ix-xogħlijiet, Infrastruttura Malta bniet mill-ġdid il-partijiet li kienu tkissru u rranġat partijiet oħra mill-istrutturi tal-moll taħt l-ilma li ma kienx hemm għalfejn jinħattu kompletament.
Il-Ministru Farrugia qal li f’dawn ix-xogħlijiet, Infrastruttura Malta wżat iżjed minn sitt elef u seba’ mitt tunnellatta ta’ konkos li jiflaħ iżjed għall-elementi tal-baħar.
Hawnhekk sar ukoll xogħol ta’ tindif, hekk kif f’din iż-żona kien hemm għadd ta’ bastimenti żgħar li kienu ilhom mitluqa s-snin.
Dan il-proġett jingħaqad ma’ dak tax-xatt tal-Kalkara, li qed isir mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.