Sirjan ta’ 34 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inżamm arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu.
Fil-Qorti, ġie mixli li f’żewġ istanzi ħebb għas-sieħba tiegħu li hija wkoll omm bintu, bil-konsegwenza li kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Huwa ġie akkużat ukoll li heddidha.
Dawn il-każijiet allegatament seħħew fil-wieħed u għoxrin u s-sitta u għoxrin ta’ Mejju.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-qraba tagħha.
Id-Difiża talbet għal-libertà proviżjorja u qalet li l-akkużat qed jieħu kura għall-ansjetà.
Din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni, li argumentat kif il-vittma għamlet rapport lill-Pulizija mal-ewwel ċans li kellha u l-imputat kellu każijiet simili fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.
Il-Qorti ġiet mgħarrfa li l-akkużat huwa lest li jmur joqgħod ’il bogħod mill-eks sieħba biex ikun f’pożizzjoni li jkompli jaħdem u jmantni lill-familja, għaliex hemm ċans ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet.
Il-Qorti qalet li sakemm tixhed il-vittma, hemm ċans li tkun influwenzata jew il-provi jkunu mittiefsa, għaldaqstant talbet li l-akkużat jinżamm arrestat u ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.