Raġel instab pożittiv għall-ġidri tax-xadini (monkeypox).
Ir-raġel, ta’ 38 sena, kien imsiefer riċentament f’pajjiż fejn ġew ikkonfermati xi każijiet ta’ ġidri tax-xadini.
Huwa għandu sintomi ħfief u m’għandux bżonn li jmur l-isptar għall-kura, tant li qed jagħmel iżolament id-dar.
Fi stqarrija mill-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa, ingħad li l-ġidri tax-xadini hija infezzjoni rari kkawżata minn vajrus li ma jinxteridx faċilment minn persuna għal oħra.
Fil-maġġoranza tal-każijiet hija marda ħafifa li ma teħtieġx kura u l-pazjent jirkupra minnha fi ftit ġimgħat.
L-ewwel sintomi jinkludu deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli, uġigħ fid-dahar, glandoli ffjammati, tkexkix ta’ bard u għejja.
Jista’ jiżviluppa wkoll raxx li ħafna drabi jibda fil-wiċċ u jinfirex ma’ partijiet oħra tal-ġisem li eventwalment jinbidel f’qoxra li taqa’ wara ftit żmien.
L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li huwa dejjem importanzi li nżommu jdejna ndaf ta’ spiss bl-ilma, bis-sapun, jew b’diżinfettant.