L-eks Deputat Nazzjonalista u esponent ewlieni tal-establishment tal-PN, Jason Azzopardi, fuq Facebook spiċċa jiżżufjetta bil-manuvra tal-vot bi prokura minn Bernard Grech u l-klikka tiegħu.
B’ritratt minn Pariġi, Azzopardi kiteb li għada se jkun qed jassisti għal-logħba sabiħa, b’referenza għall-finali tal-kompetizzjoni taċ-Champions League bejn il-Liverpool u r-Real Madrid, “bla proxy” u “di persona”.
Din il-botta minn dak li spiċċa nqaras mill-Kap f’tentattiv sabiex jikkuntenta liż-żewġ fazzjonijiet li jiddominaw fil-Partit Nazzjonalista, waslet wara ġurnata ta’ kritika kbira fil-konfront tal-Kap u t-tmexxija tiegħu minn attivisti tal-Partit Nazzjonalista.
Dan seħħ b’reazzjoni għall-manuvra ta’ Grech u l-klikka tiegħu li permezz tagħha ġie introdott il-vot bi prokura għall-Kunsilliera Nazzjonalishi fil-vot tal-konferma tal-Kap. Osservaturi politiċi ddeskrivew din id-deċiżjoni bħala waħda li tixhed paniku. L-osservaturi qalu li din hija manuvra dubjuża u li tmur kontra l-ispirtu tal-istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.