Il-Qorti illiberat lix-xufier ta’ xarabank tal-kumpanija Arriva minn kull akkuża b’rabta ma’ inċident li seħħ fl-2012, li fih kienu ndarbu diversi passiġġieri wara li l-vettura żelqet u baqgħet dieħla f’Bieb il-Bombi, il-Furjana.
Ix-xufier, ta’ 36 sena minn Ħal Qormi, kien ġie mixli li kkawża dannu lil Bieb il-Bombi, u li saq bi traskuraġni u b’negliġenza kriminali li wasslu biex weġġgħu n-nies: għaxra spiċċaw bi ġrieħi gravi u 13 sofrew ġrieħi ħfief.
Fis-sentenza, il-Maġistrat Simone Grech osservat li mix-xhieda rriżulta li, fil-ħin tal-inċident, kienet nieżla xita ħafifa u, għaldaqstat, it-triq kienet imxarrba. Min-naħa tagħhom, l-esperti tal-Qorti li nħatru biex jgħinu fl-inkjesta maġisterjali sabu li t-tajers ma kinux ta’ kwalità biżżejjed biex jintużaw fuq vettura fit-triq.
Huma qalu li l-mekkaniċi, l-inġinier, u l-kontrollur responsabbli mill-mantenzjoni tal-vettura ma ntebħux b’dan il-fatt jew inkella injorawh.
Il-Qorti qatgħetha li x-xufier, li ma kienx responsbabi mill-manutenzjoni tal-vettura, kien qed isuq bil-galbu u li fiċ-ċirkustanzi pprova jagħmel minn kollox biex jevita li x-xarabank li kien qed isuq jibqa’ dieħel f’Bieb il-Bombi. Għaldaqstant, illiberatu mill-akkużi.
Għax-xufier dehru l-avukati Stepahnie Abela u Vince Micallef.