Iktar ma qed joqrob il-verdett ta’ Bernard Grech mal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista biex jiġi konfermat bħala Kap f’tellieqa waħdu, aktar qed ikomplu jiżdiedu l-manuvri mill-klikka ta’ Grech.
L-aħħar manuvra inkixfet fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fejn il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit avżat lill-Kunsilliera li jekk jinsabu msefrin għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni Elettorali biex tinħatar persuna li minflokha u fuq direzzjoni tal-kunsillier tkun tista’ tivvota.
Fi kliem ieħor dan ikun vot bi proxy u l-vot ma jibqax sigriet.
Sorsi infurmati ta’ ONE News qalulna kif din l-aħħar manuvra hija frott paniku kbir li ħakem lil Bernard Grech hekk kif irid jitfa’ pressjoni bla preċedent fuq il-kunsilliera.
Hemm min qed iqisha theddida bil-pulit li mhemmx skużi biex ma jivvotax.
Din l-aħħar manuvra ta’ Bernard Grech hija waħda minn fost ħafna sabiex jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter fid-Dar Ċentrali.
Aktar kmieni ONE News irrapporta kif il-Kap innifsu qed jipposponi s-sejħa tal-kandidat u Sindku Nazzjonalista f’San Ġiljan Albert Buttigieg quddiem il-Kummissjoni Etika Dixxiplina u Mezzi Soċjali għal wara tmiem il-ġimgħa li jmiss.
Dan sabiex jevita li jqajjem aktar irwiefen u ġlied fil-Partit, ftit jiem biss ‘il bogħod mill-konferma tiegħu mal-Kunsilliera.
Dan anke sabiex jikkuntenta ċertu Kunsilliera li jaqblu mal-allegazzjonijiet ta’ Buttigieg fejn kixef li xi ħadd għoli ħafna fil-Partit Nazzjonalista iltaqa’ ma’ kuntrattur kbir b’interessi kummerċjali u fil-kostruzzjoni f’San Ġiljan u tah il-kelma li kien se jagħlaq ħalq Buttigieg, li min-naħa tiegħu kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu.