Fil-Parlament, l-Erbgħa filgħaxija ġiet konkluża d-diskussjoni fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-kodiċi kriminali; Abbozz ta’ Liġi li jipproponi li l-ġudikanti jkollhom is-setgħa li jagħtu piena ħarxa għal omiċidju jew attentat ta’ omiċidju volontarju li jaqa’ taħt it-tifsira ta’ femiċidju. Issa l-Abbozz jgħaddi għall-Istadju ta’ Kumitat.
L-Abbozz ta’ Liġi jindirizza wkoll l-esklużjoni tal-femiċidju milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli abbażi ta’ passjoni fis-saħna tal-mument.
Permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, Malta se tkun it-tieni pajjiż, wara Ċipru, li qed jipproponi dan it-tibdil leġiżlattiv li jitratta r-reati tal-femiċidju.
Kien l-iżbilanċ li jeżisti bejn l-irġiel u n-nisa li xpruna t-tibdil f’din il-liġi filwaqt li l-każ makabru ta’ Paulina Dembska, fit-tieni jum tas-sena, wassal biex l-Università ta’ Malta, flimkien mal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, tippubblika rapport dwar il-femiċidju.
Issa, fil-Parlament qed jiġu diskussi l-emendi innovattivi imma neċċessarji li ressaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti.
“Fl-aħħar mill-aħħar ikollna liġi li hija b’saħħitha, liġi li hija soda, li tilqa’ għal din ir-realtà li hawn fis-soċjetà tagħna anke mill-aspett kostituzzjonali, kif ġustament tqajmet matul din id-diskussjoni, għaliex dan huwa aspett illi wieħed dejjem irid jieħu inkonsiderazzjoni meta jagħmel dan it-tip ta’ interventi leġiżlattivi biex jassigura kemm jista’ jkun illi din tkun liġi b’saħħitha, li ma tiġix suġġetta għal xi kawża kostituzzjonali.”
Malta kienet implimentat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-2018, iżda xorta nħass il-bżonn li jsir iktar biex nindirizzaw ir-realtà tal-vjolenza kontra n-nisa u tar-reati b’elementi femiċidjali.
Għalhekk, il-Gvern immedjatament ta bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet u għaqdiet mhux governattivi sabiex jiġu identifikati r-realtajiet li qed jaffaċċjaw in-nisa fis-soċjetà Maltija.