Kif kien imwiegħed li se jsir fl-ewwel mitt jum minn mindu jingħata l-fiduċja gvern Laburista ġdid, il-Ħamis waranofsinhar il-Gvern ippreżenta l-bidliet fil-liġi tal-IVF; bidliet li l-għan tagħhom hu li aktar persuni jkunu jistgħu jsiru ġenituri f’pajjiżhom stess.
Kien proprju l-Prim Ministru, Robert Abela, li l-Ħamis filgħodu ħabbar, fuq Twitter, li se jiġu ppubblikati l-emendi li jsaħħu l-liġi tal-IVF.
Din kienet wegħda ewlenija fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, spjega x’se jkunu qed jinvolvu l-emendi l-ġodda.
Bl-emendi l-ġodda se jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF mingħajr ħlas billi se tinbidel id-definizzjoni ta’ ċiklu.
Dan għaliex kull ġenitur prospettiv se jingħata ċ-ċans li jkollu tliet ċikli bl-oocyte collection jew ċikli bl-użu ta’ bajd krijopriservat.
“Dawk li jkunu diġà użaw it-tliet ċikli minn meta tgħaddi din il-liġi se nagħtuhom opportunità li jagħmlu ċiklu ieħor mingħajr ħlas, jiġifieri se nkunu qed inżidu n-numru ta’ ċikli mhux biss għal min għad irid jagħmilhom imma lil min diġà għamel it-tliet ċikli tiegħu u allura se nagħtu opportunità għal ċiklu ieħor mingħajr ħlas.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Fearne spjega wkoll emendi f’dawk li għandhom x’jaqsmu l-hekk imsejħa donazzjonijiet gamete. Bl-emendi l-ġodda d-donaturi jistgħu jkunu wkoll persuni relatati b’affinità.
Bil-liġi l-ġdida proposta, persuni li diġà għandhom wild wieħed, kemm jekk b’mod naturali kif ukoll permezz tal-IVF, se jkunu eliġibbli għas-servizz mingħajr ħlas tal-IVF biex ikollhom l-opportunità għat-tieni wild.
Fl-istess waqt, l-età tal-ommijiet eliġibbli se titla’ minn 42 sena sa jum qabel il-mara tagħlaq is-46 sena f’każ ta’ Oocyte retrieval. Embryo Transfer jista’ jsir sa jum qabel il-mara tagħlaq 49 sena.
Se jiġi pprovdut ukoll qafas legali li jagħti l-opportunità li f’każijiet ta’ ċertu kundizzjonijiet ġenetiċi serji isir il-PGT-M jew Pre-implantation Genetic Testing for Monogenic Diseases.
“Dan il-PGT-M ifisser li kundizzjonijiet bħalma huma Gangliosidosis, Huntington Disease, Finnish Nephrotic Syndrome, u kundizzjonijiet oħrajn – f’dawk il-każijiet ikun jista’ jiġi applikat il-mediċina u l-proċess tekniku biex meta dawn il-koppji jkollhom wild ikollhom wild li huwa b’saħħtu u ma jgħaddux minn din it-trawma kbir li, wara ftit ġranet, ġimgħat jew xhur jitilfu t-tarbija tagħhom.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li l-ġenituri prospettivi li għandhom embrijuni krijopriservati barra minn Malta u li ġew maħluqa hemm wara l-2018, issa jistgħu wkoll japplikaw sabiex jittrasferixxu żewġ embrijuni krijopriservati f’kull ċiklu lejn pajjiżna sabiex ma jkollhomx għalfejn isiefru biex ikomplu b’dan il-proċess.
L-ispejjeż għat-trasferiment ta’ massimu ta’ erba’ sperm vials ta’ donaturi barranin u massimu ta’ sitt oocytes ta’ donaturi barranin kif ukoll żewġ embrijuni tal-genituri prospettivi minn pajjiżi barranin se jkunu koperti mis-Servizz tas-Saħħa Pubblika.
L-età massima ta’ donatur issa se tkun ta’ 36 sena nieqes ġurnata fil-jum li tingħata d-donazzjoni.
Intant, fl-istess konferenza, id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li kien hemm 55 applikazzjoni għar-rifużjoni tal-ispiża tal-mediċina tal-IVF fil-forma ta’ għotja lil dawk il-koppji kollha li, mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena, kienu għaddejin bil-proċess tal-IVF.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg stqarret is-sodisfazzjon tagħha għal dawn l-emendi li qed jiġu ppubblikati. Emendi li jagħmlu tajjeb għall-wegħda tal-Partit Laburista fil-kampanja elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali fejn wiegħed li se jressaq dawn l-emendi fi żmien mitt jum.
“Dan huwa l-Gvern li se jżomm kelmtu u jwettaq il-mandat ċar tiegħu fuq dan is-suġġett. Fuq kollox, dan huwa Gvern li huwa kredibbli u din ir-riforma hija turija ċara tal-commitment li għandna biex dawk l-elf proposta li għamilna isiru elf kisba.”
Is-Segretarju Parlament Rebecca Buttigieg
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li hija ħerqana biex tara dawn l-emendi jiġu diskussi fil-Parlament fl-istadju tat-Tieni Qari.