“L-għajnuna tal-Gvern se sservi ta’ nifs u spalla għalina l-għaqdiet li norganizzaw il-festi tal-patruni fl-ibliet u l-irħula ta’ Malta u Għawdex.” – kliem il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Noel Camilleri, b’reazzjoni għat-tħabbir ta’ skema ta’ nofs miljun ewro għas-soċjetajiet tal-banda u l-għaqdiet tal-armar u n-nar.
“Aħna konna wkoll ipproponejna dan l-aspett. Allura, flimkien inħadem dan il-fond, li ġie mħabbar ilbieraħ u allura kull min huwa involut fil-festi, li jrid ikun ukoll irreġistrat bħala organizzazzjoni volontarja u compliant mal-liġi, se jibbenefika minn dan il-fond. Dan se jkun nifs qawwi biex jiġu mtaffin ftit mill-problemi li affaċċjaw ħafna mill-għaqdiet biex jiġu organizzati l-festi.”
Noel Camilleri spjega kif is-sentejn ta’ pandemija laqtu bil-qawwi lill-għaqdiet volontarji u għalhekk għajnuniet bħal dawn ipoġġuhom fuq saqajhom sabiex ikomplu jżommu l-festi ħajja kif nafuhom.
Kif tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-jum tat-Tlieta, l-għaqdiet se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sa massimu ta’ elfejn ewro kull wieħed.
Dawn il-flus jistgħu jmorru għall-organizzazzjoni loġistika tal-festa, fosthom il-kiri ta’ makkinarju li jintuża għall-festi, miżuri biex jitnaqqsu l-periklu, pumpiera, stampar, u anke sigurtà.